Il-Partit Laburista għandu jara li jwettaq bidliet biex joffri Gvern b’kredibilità u responsabbiltà morali

Share

 

Il-Partit Laburista għandu jara li jwettaq bidliet biex joffri Gvern b’kredibilità u responsabbiltà morali.

 

Ma jistax ikun li jkun żewġ partiti fil-Parlament li nsew għal kollox l-iskop tal-eżistenza tagħhom. Warrbu l-ideali u l-valuri li kienu mwaqqfa’ biex jiddefendu.

 

Illum il-PL spiċċa partit politiku b’magna politika li taħseb biss kif tirbaħ il-voti akkost ta’ kollox. Dan minkejja kull għajnuna soċjali li l-gvern jgħid li joffri, il-Labour spiċċa partit politiku li nesa għal kollox iż-żgħir fis-soċjetà u ħoloq governanza li ftit, ftit, qed iġġib fix-xejn il-familja.

 

Il-prinċipju tal-ħaddiem iż-żgħir illum il-Labour tilfu, u bil-politika li ssostni ekonomija li ssaħħaħ iċ-cheap labour, iż-żgħir tkompla tkisser. L-għajnuna soċjali żdiedet maż-żmien iżda spiċċat bħal frak tal-ħobż li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ min ikun qed jiekol il-laħam prim.

 

Huwa minnu li l-kbir irid ikun mgħejjun jikber, iżda ma jistax ikun li l-familja Maltija u Għawdxija ġibniha f’stat li ma baqalhiex fiduċja fil-futur tagħha stess u dan narawh ukoll kemm pajjiżna għandu demografija li qed tonqos, kif ukoll hemm statistika li turina kemm iż-żgħażagħ tagħna qed jitilfu l-fiduċja fil-futur tagħhom stess f’pajjiżhom.

 

Il-Partit Laburista tilef il-prinċipju ta’ “Malta l-ewwel u qabel kollox” u llum sfaċċajna wisq gvern Laburista sudditu tal-U.E. u poteri esteri li mhux dejjem il-politika tagħhom tkun taqbel għal pajjiżna. Dan tant jiggrava li f’ċerti każijiet konna qed nipperikolaw li nitilfu s-sovranità ta’ pajjiżna.

 

Il-Partit Laburista qiegħed f’salib it-toroq tal-eżistenza tiegħu: jew iħares lejn l-istorja u jitgħallem mill-iżbalji li għamlu ta’ qablu, iżda biex jagħmel hekk jeħtieġ l-umiltà li jerġa’ lura mhux biss minn ċertu deċiżjonijiet iżda jerġa’ lura minn ċerta attitudni ta’ arroganza u suppervja. Jew jekk mhux lest li jitgħallem mill-istorja, ser iwassal lil pajjiżna f’stragi soċjali, ambjentali u ekonomika.

 

Illum pajjiżna spiċċa pajjiż li mhux jiffunzjona jekk meta jkollok bżonn xi ħaġa ma tkunx taf lin-nies li tista’ tkellem.

 

Illum il-Labour qiegħed fil-gvern, jekk il-Labour jirnexxilu jsalva l-ġenwinita tiegħu stess u jagħmel pass il-quddiem għal dak li kien u dak li hu, jkun qiegħed isalva nazzjon; jekk il-Labour jaħseb li jekk jinbidlu ftit ismijiet fit-tmexxija tal-partit dan ser ikun biżżejjed, jien nemmen li jkun żball kbir.

 

Il-Labour mhux ismijiet ġodda għandu bżonn, iżda li jerġa’ lura għall-valuri li kien imwaqqaf biex jiddefendi. Jekk ir-riforma li jrid il-Prim Ministru tkun biss tal-kliem biex niġustifikaw il-ħażin kollu li qegħdin fih, din ir-riforma ser tkun waħda li teqred partit u mhux issaħħu.

 

Nikteb dan l-artiklu b’ġenwinita għax inħobb lill-pajjiżi u l-poplu tiegħu, u għalhekk nemmen li dan il-pajjiż u l-poplu jista’ biss jingabar jekk immorru biss il-quddiem lejn l-għarfien tal-valuri umani bħala supremi fuq il-flus u dak kollu li jista’ jinxtara bil-flus.

 

Jew tbiddlu u ssalvaw pajjiż u poplu jew ser tkissru partit u tkissru pajjiż u poplu.

 

Edwin Vassallo

Koordinatur Mov.Solidarjeta’