Fil-jiem li għaddew ix-xena internazzjonali kienet iddominata mill-aħbar tal-arrest tal-Kap Eżekuttiv ta’ Telegram, Pavel Durov.
Durov kien arrestat f’Pariġi mill-awtoritajiet Franċiżi wara li nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu.
Durov ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija ta’ €5 miljun. Hu tpoġġa taħt investigazzjoni formali fuq sitt akkużi, inkluż li naqas milli jikkoopera mal-infurzar tal-liġi kif ukoll b’kompliċità fil-ġestjoni ta’ pjattaforma onlajn “biex tkun tista’ ssir tranżazzjoni illegali fi grupp organizzat.”
Interessanti l-fatt kif snin ilu, skont Wall Street Journal, il-President Franċiż Macron ipprova jikkonvinċi lil Durov biex imexxi l-pjattaforma Telegram lejn Pariġi u saħansitra offrielu ċittadinanza Franċiża.
Minn naħa tiegħu, Durov tgħallem il-lingwa Franċiża u akkwista ċittadinanza Franċiża.
Meta bdejt insegwi l-aħbar, ma stajtx ma niftakarx dwar l-Skema taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ pajjiżna. Jgħidu x’jgħidu, l-applikazzjonijiet kollha kienu eżaminati b’reqqa liema bħala! Ninsab ċert li kieku l-Gvern ma kienx daqshekk strett, pajjiżna kien jibbenefika ħafna aktar milli ibbenefika minn din l-iskema.
Meta tħares lejn pajjiżi Ewropej bħal Franza, u ssegwi kif iħarsu lejn dan it-tip ta, investiment, jidher ċar li l-filosofija tagħhom hi bbażata mhux fuq ir-rettezza tal- due diligence, iżda minn kemm il-pajjiż se jibbenefika minn approvazzjonijiet ta’ ċittadinanzi lil ċertu individwi.