Imniedi l-istaġun il-ġdid tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta

Share

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-istaġun il-ġdid 2024/2025 tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

 

Il-programm jinkludi aktar minn 60 kunċert, fosthom Beethoven’s Ninth, Verdi’s Requiem, u l-Foundation Day Concert bl-MPO u l-Orkestra taż-Żgħażagħ. Se jkun hemm ukoll Chamber Concerts, serje għat-tfal Do-Re-Mi, kollaborazzjonijiet ma’ KorMalta, solisti lokali u internazzjonali, u parteċipazzjoni fil-Festival ta’ Spoleto.

 

Il-Ministru Bonnici stqarr li l-istaġun li jmiss jipprovdi programm varjat u kollaborazzjonijiet prestiġjużi. Dan juri kemm l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hija impenjata li tkompli tikber u ssaħħaħ l-identità kulturali ta’ pajjiżna. Il-Ministru Owen Bonnici sostna wkoll kif din hija stedina lill-poplu Malti kollu biex jiġi jgawdi dawn l-avvenimenti mużikali uniċi u ta’ kwalità għolja.”

 

“Bħala Gvern aħna kburin li qed inkomplu nsostnu l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li ilha għal żmien twil tagħti kontribut kbir lill-kultura mużikali ta’ pajjiżna. L-impenn tal-MPO għall-eċċellenza artistika jispikka mhux biss f’Malta imma wkoll internazzjonalment,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

 

Il-Kap Eżekuttiv Vanessa Mangion sostniet li x-xahar ta’ Settembru dejjem ifisser ftuħ ta’ staġun ġdid u għalhekk huwa dmir ta’ din l-akbar istituzzjoni mużikali ta’ pajjiżna li tieħu sehem f’avvenimanti nazzjonali, tagħti kunċerti lill-udjenza mużikali ta’ Malta b’mużika klassika, iżda mhux biss.

 

“L-Orkestra tagħna hija versatili u kapaċi toħroġ bl-unuri kemm f’kunċerti ta’ sinfoniji mill-aqwa u kif ukoll f’attivitajiet ta’ mużika moderna. Il-programm li ħejjejna għal dan l-istaġun huwa interessanti daqs kemm hu versatili.  Bil-programm li gej se nuru l-livell kemm hu għoli u kemm il-viżjoni ta’ internazzjonaliżmu favur l-Orkestra miexja ‘il quddiem. Hemm solisti u kondutturi barranin li ġejjin idoqqu u jidderiġu mal-Orkestra. Dan flimkien ma’ opportunitajiet għall-mużiċisti biex imorru barra minn xtutna,” temmet tgħid Mangion.

 

L-MPO għandha wkoll il-fergħa tal-mużiċisti żgħażagħ; l-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ Malta li tirrappreżenta l-futur tat-talent mużikali u l-wirt kulturali Malti. Magħmula minn mużiċisti żgħażagħ entużjasti, l-orkestra sservi bħala pjattaforma dinamika għall-iżvilupp artistiku, kif ukoll tħeġġeġ l-apprezzament profond għall-mużika klassika u kontemporanja fost iż-żgħażagħ. Permezz ta’ taħriġ rigoruż, opportunitajiet varji, u l-ħeġġa għall-kreattività u l-eċċellenza, l-Orkestra taż-Żgħażagħ tkompli tevolvi, u tassigura l-wirt kulturali għas-snin li ġejjin.​​