Inawgurata klinika ġdida għall-komunità fis-Siġġiewi

Share

 

 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, u l-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawguraw il-Klinika tas-Saħħa Professur Albert Fenech ġewwa Binja Silvio Parnis, fis-Siġġiewi.

 

Bi qbil bejn iż-żewġ ministeri, din il-klinika ssemmiet għall-mibki, il-Professur Albert Fenech. Dan b’tislima lejn il-memorja u l-ħidma ta’ Prof. Fenech, professur u kardjologu, imwieled is-Siġġiewi, li għal bosta snin kien ta’ servizz mill-aqwa għal tant pazjenti.

 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes stqarr li dan il-gvern qiegħed mhux biss jipprovdi akkomodazzjoni soċjali b’saqaf sigur u b’dinjità għall-benefiċċjarji, “iżda qegħdin ukoll nimplimentaw viżjoni soċjali ħolistika.”

 

Fil-fatt, spjega li bis-saħħa ta’ din il-viżjoni llum qegħdin naraw numru sabiħ ta’ familji, inkluż ir-residenti ta’ Binja Silvio Parnis; proġett ieħor t’akkomodazzjoni soċjali ta’ dan il-Gvern, jagħmlu użu mis-servizz li din il-klinika tas-saħħa ġdida qiegħda toffri fil-qalba tal-komunità tas-Siġġiewi.

 

 

Il-Ministru Roderick Galdes innota b’sodisfazzjon li dan il-proġett mhux biss qiegħed ikun ta’ sostenn għall-familji residenti f’din il-binja, iżda wkoll għar-residenti Siġġiwin, li llum jistgħu jirċievu servizz kliniku tas-saħħa fi klinika ġdida ta’ kwalità għolja.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li n-numru ta’ kliniki fil-komunità issa tela’ għal 30. Irrimarka, li mill-bidu tas-sena sa issa, iċ-ċentri tas-saħħa f’pajjiżna raw madwar 600,000 persuna u l-kliniki fil-komunità raw madwar 70,000 persuna.

 

Il-Ministru Jo Etienne Abela nnota wkoll kif dawn il-kliniki se jkunu qed joffru programm ħolistiku li huwa bbażat fuq il-kura preventiva. Din il-klinika se tkun qed toffri s-servizzi ta’ tabib tal-familja, speech and language pathology għall-adulti u tfal, kif ukoll podjatrija u fiżjoterapija.

 

Huwa qal ukoll li “din il-klinika se tkun qed taqdi madwar 10,000 persuna residenti fis-Siġġiewi kif ukoll persuni li jgħixu fil-madwar.”

 

“Il-kura tas-saħħa primarja hija waħda mill-pilastri tas-saħħa f’pajjiżna u aħna kommessi li nkomplu nsaħħu l-kura medika fil-qalba tal-komunità sabiex tkun eqreb il-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.​​