Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni dwar riċerka u innovazzjoni mal-Italja

Share

Ftehim li ġie ffirmat illum bejn Xjenza Malta u l-Consiglio Nazionale delle Ricerche (CNR) tal-Italja, jirrifletti viżjoni komuni għall-futur, u jappoġġja kemm kollaborazzjonijiet ta’ riċerka eżistenti kif ukoll dawk ġodda. Il-ftehim se jiffaċilita r-riċerka u l-innovazzjoni, b’enfasi fuq riżultati tanġibbli, u jipprovdi finanzjament għal riċerkaturi biex jikkollaboraw fuq attivitajiet u proġetti li jservu bħala pedamenti għal sħubijiet akbar u fit-tul.

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li ppresjeda l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, qal “B’dan il-ftehim qed insaħħu kollaborazzjoni mal-Italja għaliex għandha valur strateġiku sinifikanti, permezz tas-sħubija bejn iż-żewġ pajjiżi fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa wkoll ftehim li juri kemm qed nagħtu importanza lir-riċerka u l-innovazzjoni, ftehim li wkoll jistabbilixxi qafas strutturat biex javvanza inizjattivi ta’ riċerka konġunti ma’ pajjiżi oħra”, qal il-Ministru Grima.

 

Għan ieħor tal-ftehim huwa li jikber l-impenn ta’ Xjenza Malta u l-Consiglio Nazionale delle Ricerche biex inaqqsu d-distakk bejn ix-xjenza u s-soċjetà, u jiżgura li r-riżultati tar-riċerka jkunu aċċessibbli u ta’ impatt lil hinn mill-akkademja.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri ddeskriva dan il-ftehim bħala pass importanti fil-kooperazzjoni reġjonali. “Din is-sħubija bejn Xjenza Malta u s-CNR tirrappreżenta mudell effettiv għal kollaborazzjoni reġjonali. Billi niġbru flimkien ir-riżorsi u l-għarfien tagħna, nistgħu mmexxu r-riċerka u l-innovazzjoni ‘l quddiem u nindirizzaw l-isfidi globali ta’ żmienna permezz ta’ kooperazzjoni xjentifika sinifikanti. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa biss il-bidu tar-relazzjoni dinamika li qed nantiċipaw u li qed tevolvi, u li minnha se jibbenefikaw mhux biss Malta u l-Italja, iżda wkoll ir-reġjun usa’ tal-Mediterran, u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.”

 

Il-Professur Maria Chiara Carrozza, il-President tal-Consiglio Nazionale delle Ricerche fl-Italja, tenniet l-istess opinjoni, u sostniet ir-rilevanza strateġika ta’ din is-sħubija. “Il-kollaborazzjoni bejn is-CNR u Xjenza Malta se tkabbar il-kapaċitajiet kollettivi tagħna fl-indirizzar ta’ sfidi xjentifiċi urġenti, filwaqt li trawwem l-ispirtu ta’ kooperazzjoni Ewropea u Mediterranja. Inħarsu ‘l quddiem li naraw il-frott tal-potenzjal kbir li għandha din is-sħubija għall-iskoperta xjentifika u l-avvanz soċjali.”​

 

Bejn iż-żewġ partijiet hemm ambizzjoni konġunta biex din il-kooperazzjoni tespandi f’programm formali ta’ finanzjament għal riċerka bilaterali, simili għall-kollaborazzjonijiet attwali ta’ Xjenza Malta. Dan il-ftehim huwa tragward sinifikanti fil-kooperazzjoni tar-riċerka bejn l-Italja u Malta. Iż-żewġ istituzzjonijiet laqgħu b’sodisfazzjon dan il-ftehim u esprimew l-impenn li jsaħħu aktar l-isforzi ta’ riċerka konġunti bejniethom.

 

Malta u l-Italja jirrikonoxxu li r-riċerka hija kruċjali biex tmexxi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tindirizza l-isfidi soċjo-ekonomiċi. L-Italja kienet waħda mill-imsieħba l-aktar prominenti ta’ Xjenza Malta, partikolarment permezz tal-involviment ta’ CNR fir-riċerka marittima u tal-baħar.

 

Proġetti kollaborattivi fosthom il-BlueMissionMed, JPI Oceans, u l-Horizon Europe Sustainable Blue Economy Partnership kienu kruċjali biex javvanzaw l-iżvilupp sostenibbli tal-Mediterran, u wkoll biex jinfetħu opportunitajiet ekonomiċi ġodda fl-ekonomija blu. Din il-kollaborazzjoni testendi wkoll f’firxa wiesgħa ta’ oqsma taħt Horizon Europe, u turi aktar l-impenn tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Kollaborazzjoni li għandha l-għan li tindirizza firxa usa’ ta’ sfidi u opportunitajiet xjentifiċi, billi jkun hemm espansjoni f’oqsma tematiċi ġodda li jindirizzaw ħtiġijiet identifikati minn strateġiji nazzjonali.

 

Il-ftehim kien iffirmat mill-Prof. Maria Chiara Carrozza, President tal- Consiglio Nazionale delle Ricerche fl-Italja u l-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri.