Għat-tieni sena konsekuttiva ġiet imnedija skema finanzjarja marbuta mal-World Cleanup Day. Din il-ġurnata globali, li tiġi ċċelebrata kull sena, tgħaqqad miljuni ta’ voluntiera, gvernijiet, u organizzazzjonijiet biex tikkumbatti l-problema tal-iskart u tħeġġeġ ambjent nadif u ekoloġiku. Din is-sena, il-World Cleanup Day se tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2024.
46 kunsill lokali f’Malta u Għawdex se jibbenefikaw minn fond ta’ madwar €65,000 wara li applikaw għall-iskema finanzjarja marbuta mal-World Cleanup Day. Dawn il-fondi se jintużaw għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. L-attivitajiet se jkunu organizzati matul ix-xahar ta’ Settembru.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva. “Din l-inizjattiva hija importanti biex inwasslu messaġġ ċar dwar ir-responsabbiltà ambjentali u li nżommu l-postijiet pubbliċi nodfa. It-tindif li se jsir fit-toroq, ġonna, bajjiet, u spazji miftuħa se jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet, “Din l-inizjattiva ser tiġġenera aktar għarfien u kuxjenza dwar il-ħtieġa li l-postijiet pubbliċi jinżammu nodfa. Ambjent san u nadif għandu impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-bniedem u jikkontribwixxi biex inaqqas il-mard. L-investiment fl-indafa huwa investiment f’saħħitna.”
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħaqqad il-komunitajiet lokali biex jgħinu fil-bidla ambjentali u jżidu l-għarfien dwar l-importanza ta’ ambjent nadif.