STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL

Share

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Anthony Michael Collins fil-kawża Il-Kummissjoni v Malta dwar iċ-Ċittadinanza b’Investiment (Kawża C-181/23)

 

 

Illum, l-Avukat Ġenerali Anthony Michael Collins ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoniv Malta, dwar il-qafas leġiżlattiv nazzjonali dwar l-akkwist ta’ ċittadinanza b’investiment.

 

Il-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-opinjoni pożittiva tal-Avukat Ġenerali, li tirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiċħad l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern jinnota wkoll b’mod pożittiv, ir-rikonoxximent mill-Avukat Ġenerali ta’ diversi argumenti ewlenin imressqa minn Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

Dan filwaqt li ser ikompli bl-analiżi dettaljata tiegħu tal-Opinjoni biex jiżgura fehim komprensiv tal-implikazzjonijiet potenzjali tagħha.

 

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-opinjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma konsultattivi u ma jorbtux legalment lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukati Ġenerali jipprovdu soluzzjonijiet legali indipendenti għall-każijiet li jittrattaw, u l-opinjonijiet tagħhom iservu bħala rakkomandazzjonijiet lill-Qorti.

 

F’dan ir-rigward, il-Gvern issa qed jistenna l-verdett finali li għandu jingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’data aktar ’il quddiem.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, esprima sodisfazzjon għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Collins, li tirrifletti l-istess argumenti jew argumenti simili li Malta għamlet fl-aħħar snin.

 

Dan wara sforzi sostnuti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadinanza tibqa’ fil-kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri. Filwaqt li nistennew is-sentenza finali, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Ser inkomplu naħdmu fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.