Alex Agius Saliba – Favur iċ-Ċittadin bil-Fatti. Is-Saħħa Mentali fil-Lenti tal-Ħidma Tagħna

Share

Matul din il-ġimgħa li għaddiet iċċelebrajna l-jum dinji għas-saħħa mentali.  Jum li jservi sabiex inkabbru l-għarfien dan is-suġġett u nattiraw iżjed riżorsi ddedikati għal dan il-qasam.

 

Il-ħtieġa li niffukaw l-enerġija u r-riżorsi tagħna sabiex nipproteġu s-saħħa mentali qed tiżdied iżjed ma jgħaddi ż-żmien.  L-inċertezzi li nħolqu matul dawn l-aħħar snin minħabba bosta fatturi ma jgħinu xejn sabiex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna.  Fil-Parlament Ewropew spjegajt kif il-ħidma li wettaqt matul il-leġislatura li għaddiet fuq ir- Right to Disconnect se tgħin bil-bosta sabiex nilqgħu problemi relatati mas-saħħa mentali.  Il-pressjoni sabiex inkunu dejjem disponibbli hija ta’ detriment kbir għas-saħħa mentali tagħna.

 

Fl-istess jum, 33 organizzazzjoni li jaħdmu f’dan il-qasam appoġġjaw talba oħra li bdejt inressaq fil-leġislatura li għaddiet, il-ħolqien ta’ Intergroup fil-Parlament Ewropew dedikat għas-saħħa mentali.

 

L-Intergroup, li jiġi ffurmat minn membri parlamentari minn gruppi politiċi differenti, huwa għodda sabiex inkattru l-iskambju tal-opinjoni u niffukaw iżjed attenzjoni fuq il-qasam tas-saħħa mentali.

 

L-Intergroup jista jservi ta’ għodda għat-tnegħid ta’ leġislazzjoni u policies iżjed robusti f’dan il-qasam.  Dawn jinkludu kampanji ta’ edukazzjoni għal għarfien aħjar, allokazzjoni ta’ fondi għal proġetti ta’ kura fil-komunità u leġislazzjoni li tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali, u tiżgura li persuni li jgħaddu minn diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali ma jisfgħux diskriminati u jingħataw kull opportunità sabiex jintegraw fis-soċjetà.

 

F’dan ir-rigward, huwa ta’ rilevanza kbira dak li għedt il-ġimgħa li għaddiet dwar il-qalba diġitali.  F’kull pass li nwettqu sabiex intejbu l-effiċjenza permezz tad-diġitalizzazzjoni ma rridux ninsew li hemm persuni vulnerabbli, fosthom dawk bi problemi tas-saħħa mentali, li jsibuha ħafna iżjed diffiċli minn oħrajn sabiex ibiddlu l-mod kif iwettqu l-faċendi tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom.  Għal dawn il-persuni il-postijiet minn fejn imorru u fiżikament jinqedew għas-servizzi meħtieġa huma punti ta’ riferiment għal ħajjithom u jagħtuhom sens ta’ stabbiltà.

 

Ikun ta’ unur kbir għalija li nservi bħala President Konġunt fl-ewwel Intergroup fil-Parlament Ewropew dwar is-Saħħa Mentali għaliex tkun opportunità li nkompli nibni fuq ix-xogħol li wettaqt u qed inwettaq f’oqsma oħra favur il-ħaddiema u dawk l-aktar vulnerabbli fostna.  Għalhekk nawgura li l-membri parlamentari mill-gruppi politiċi differenti japrezzaw l-urġenza li nwaqqfu l-ewwel Intergroup fuq is-Saħħa Mentali.

 

L-Intergroups fi ħdan il-Parlament Ewropew huma eżempju tajjeb ta’ kif għandha tiġi mwettqa l-politika; esponenti minn gruppi politiċi bi twemmin differenti jaħdmu flimkien sabiex jilħqu kunsens fl-aħjar interess tal-ġid komuni u tas-soċjetà.

 

L-iskambju tal-ideat jgħin sabiex is-soluzzjoni finali proposta tkun aħjar minn dik li tista tiġi proposta minn grupp ta’ persuni bl-istess twemmin.  Huwa proprju għalhekk li fir-rwol tiegħi ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista qed nisħaq fuq l-importanza li nkattru d-diskussjoni fi ħdan il-Partit, inkluż speċjalment billi nagħtu spazju lil dawk li ma jaqblux magħna.

 

Mhux l-istess jista jingħad għall-Partit Nazzjonalista.  Matul din il-ġimgħa kellna tliet każijiet fejn MPE li jirrapreżentaw lill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew ippruvaw itappnu isem Malta bi kritika inġusta fil-Parlament Ewropew.  L-ewwel kellna lil Peter Agius li uża l-ewwel opportunità sabiex jitkellem fil-Parlament Ewropew biex jikkritika d-demokrazija u d-drittijiet tal-ġurnalisti f’Malta f’dibattitu li ma kellu xejn x’jaqsam mas-suġġett.

 

Imbagħad kellna lil David Casa jitlob lill-Kummissarju nominat McGrath sabiex ikun iżjed aħrax kontra Malta.  Iktar tard, l-istess MPE Nazzjonalisti talbu għal iżjed dibattiti dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, suġġett li ilu jiġi diskuss għal żmien twil u li issa qras u ma għad baqgħalu xejn x’joffri.

 

Nispera li l-membri parlamentari Nazzjonalisti xi darba jitgħallmu li dibattiti politiċi serji jiġu żvolti madwar il-fatti u fl-aħjar interess taċ-ċittadin.  Nispera li l-Partit Nazzjonalista xi darba jibda joħroġ b’xi proposta ta’ kif bi ħsiebhom itejbu l-qagħda tal-poplu kieku kellhom xi darba jkunu fdati bil-Gvern.

 

Iva, nkun minn ta’ quddiem li ngħid li pajjiżna jixraqlu oppożizzjoni iżjed denja minn Partit li moħħu biss biex jeqred, jwaddab it-tajn u jħammeġ isem Malta. Żmien il-gimmicks u l-kliem fieragħ spiċċa.

 

Il-poplu Malti jistenna u jixraqlu aktar serjeta mir-rappreżentanti tiegħu.