Oliver de Gaetano – Il-ġustizzja m’għandhiex biss issir, iżda trid tidher illi qed issir

Share

Ħadt pjaċir meta smajt lill-Ministru tal-Intern, l-Onor.Camilleri, iħabbar illi tnieda proċess li permezz tiegħu se jiħraxu l-liġijiet kontra min juża l-vjolenza kontra Pulizija jewuffiċjali pubbliċi. Hekk sewwa u xieraq. Fil-fatt kont ilni nisħaq dwar din il-ħtieġa, u ma narax għaliex kellna għalfejn noqogħdu nistennew sakemm seħħ l-inċident sfortunat tal-Ħamrun fejn ġew aggrediti żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, sabiex ħarraxna l-liġijiet f’dan ir-rigward. Minkejja dan, il-mistoqsija inevitabbli tibqa’: “Ġew imħarrxa wkoll il-multi fir-rigward ta’ uffiċjali pubbliċi li jabbużaw mill-poter tagħhom billi jkunu arroganti fil-konfront ta’ ċittadini privati?” Għalkemm huwa tajjeb li jkun hemm rispett lejn min hu simbolu ta’ awtorità, nemmen illi jekk se jitwassal messaġġ fejn min għandu s-saħħa tal-liġi jinsab fuq pedestall għalih, filwaqt li l-poplu jrid ibaxxi rasu għal kollox, se nirriskjaw illi nixirfu fuq it-tirannija.

 

 

Il-liġijiet għandhom iwieżnu liċ-ċittadin

 

Dan l-aħħar kont ġo każin partikolari u kellimni bniedem imweġġa’ li deher determinat illi mhux se jivvota. Hu stqarr miegħi kif wiret biċċa art flimkien mal-kuġini tiegħu, liema art qasmuha bejniethom. Spjegali li għalkemm diġà kien hemm arloġġ tal-ilma fir-raba’, wara li saret id-diviżjoni beda jħossu skomdu jitlob l-ilma mingħand il-kuġini ħalli jkun jista’ jsaqqi. Għaldaqstant xtaq japplika sabiex jingħata arloġġ tal-ilma separat. Il-viltà hija li l-għoti ta’ arloġġ għall-provvediment ta’ servizz essenzjali bħal mhu l-ilma, spiċċa jiddependi fuq spezzjoni minn awtorità li lanqas biss għandha x’taqsam mal-ilma. Il-post fejn wiret l-art hu magħruf għal kemm jaqbad ta’ spiss minħabba n-nixfa li jġib miegħu s-sajf Malti, tant illi min għandu r-raba’ hemmhekk mhux l-ewwel darba li nqeridlu kollox kawża tan-nirien. L-uffiċjali li marru fuq il-post semmewlu l-fatt illi għandu xatba tal-ħadid, mhux tal-injam. Kif spjegali: “Ladarba dan il-post għandu t-tendenza li jaqbad, kif jippretendu li nħalli xatba tal-injam meta l-injam huwa materjal kombustibbli?” Għandu punt! Tal-inqas xatba bi pjanċa tal-ħadid tilħaq twaqqaf in-nar sakemm jaslu tal-Protezzjoni Ċivili. L-unika spjegazzjoni li ngħata dan il-proxxmu kienet: “Dik hi l-liġi u aħna rridu nimxu magħha!”, mingħajr ma ġiet meqjusa l-inkwadratura tas-sitwazzjoni speċifika. Dan hu x’qed iweġġa’ lin-nies, ċoèl-mentalità għamja tal-one-size-fits-all. Jekk xejn, għandhom jiġu emendati l-liġijiet b’mod u manjiera li jwieżnu liċ-ċittadin, mhux iġibuh b’id waħda wara u bl-oħra quddiem. Saħansitra qabduhielu dwar il-fatt li s-siġar illi hemmmiżrugħin mhumiex indiġeni. Imbagħad jekk xi ħadd jaqla’ siġra, jimmultawh ukoll! Spiċċa qalli: “Tagħmel kif tagħmel, taqlagħha!”

 

 

Kwistjonijiet indipendenti m’għandhomx jintrabtu ċoff

 

Meta kont fl-aħħar sena tal-kors tal-liġi, kont nagħmel prattika legali ma’ Avukat anzjan li kien qed jidher għal klijent illi kien ħa l-karozza ġdida tiegħu għas-service għand l-aġent. Mid-dehra, xi lavrant li kien jaħdem għal rasu wara l-ħin tax-xogħol biddillu l-pompa tal-ilma ma’ waħda toqtor. Meta ra hekk, dan il-klijent illi kien qed iħallas il-vettura tiegħu bin-nifs, minnufih waqqaf il-pagamenti, bil-konsegwenza li sab ruħu l-qorti. Il-qorti kienet iddeċidiet illi l-fatt li l-impjegat tal-aġent biddillu l-pompa tal-ilma ma’ waħda difettuża bl-ebda mod ma ġġustifika t-twaqqif tal-pagamenti bin-nifs min-naħa tal-klijent sabiex jaqta’ d-dejn fuq il-karozza. Dan għaliex il-qorti qieset illi dawn jikkostitwixxu żewġ argumenti indipendenti minn xulxin u, jekk xejn, kellha tinfetaħ kawża separata fil-konfront tal-aġent illi huwa responsabbli għall-aġir tal-impjegati tiegħu. Allura għalfejn dan il-viżwal m’għandux jiġi applikat ukoll fil-konfront tal-aġir min-naħa ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi u entitajiet parastatali li min-naħa tagħhom jinterpretaw liġijiet arkajċi u inumani b’mod pappagallesk, u konvenjentement isibu rifuġju fil-proċedura li toħroġ minn din l-istess liġi? F’każijiet ta’ din ix-xorta, għandu jinfetaħ każ ta’ vittimizzazzjoni fil-konfront ta’ tali awtoritajiet u entitajiet. Mhijiex ħaġa ġusta li awtorità, tkun liema tkun, iċċaħħad lil individwu minn servizz bażiku minħabba irregolarità li lanqas biss taqa’ taħt il-kontroll tagħha fl-ewwel lok. Għal darb’oħra, qed jiġi injorat il-prinċipju tal-proporzjonalità, bil-konsegwenza li ċ-ċittadin privat spiċċa involut f’battalja inġusta kontra l-awtoritajiet pubbliċi, fejn dawn tal-aħħar huma mgħammra bil-kanuni filwaqt li hu jrid jikkumbatti b’sikkina li lanqas snien ma fiha.

 

 

Kontroll neċessarju, mhux soffokazzjoni

 

Nagħżel li nimmilita fil-Partit Laburista għax hu kien dejjemdak il-Partit illi għaraf ikun fuq l-istess paġna tan-nies. Kieku kellna nagħtu ħarsa lejn l-istorja politika tal-Gżejjer Maltin, nindunaw illi kull miżura b’ruħ soċjali li ddaħħlet f’pajjiżna ġiet introdotta meta l-Partit Laburista kien jinsab fit-tmun tal-pajjiż. Madankollu, jekk għall-mod tal-kelma, Ċikku ngħata żieda, din ingħatat ukoll lil Peppu. Mill-polz li qed nieħu mingħand in-nies, l-approċċ tal-ugwaljanza mhuwiex qiegħed jiġi mħaddan f’kull każ, u għalhekk jeħtieġ illi nżommu f’moħħna li kulħadd iħoss tiegħu. Waqt iż-żjarat fid-djar, iltqajt ma’ żewġ kostitwenti ġodda. Dawn huma koppja miżżewġin friski li damu tliet snin jitħabtu biex iġibu l-permessi ħalli setgħu jikkonvertu l-kamra tal-bejt f’washroom… minbarra l-ispezzjonijiet regolari li għamlulhom biex forsi jsibulhom xi pulzier differenti mill-pjanta tal-Perit. Ir-raġel, li ġej minn familja Laburista tad-demm wasal biex qalli: “M’aħniex se nivvutaw għax wisq tawna torturi. Imbagħad ħdejn id-dar t’ommi kien hemm żviluppatur illi tella’ blokka enormi u anke sporġa fuq il-bankina, u f’kemm ilni ngħidlek irnexxielu jissanzjona kollox!” Għeżież, jekk se terħu ċ-ċinturin, araw li bis-saħħa tal-għarusa tiżfen il-qattusa, inkella jekk se tintensifikaw l-eżerċizzju tal-kontroll, qisu li timxu bl-istess xiber ma’ kulħadd. Infakkarkom biss illi t-terminu ta’ din il-leġislatura fadallu inqas mill-perijodu diġà kkunsmat, u li ftit iżjed minn sentejn oħra se nkunu qegħdin immorru quddiem il-poplu sabiex niġu mgħoddija mill-ġudizzju tiegħu.

 

 

Kulħadd għandu jkun stmat b’dinjità

 

Se nagħlaq dan l-artiklu billi nikkwotalkom dak li kien tenna t-tielet President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Thomas Jefferson: “Meta l-liġi ssir tirannika, ir-ribelljoni ssir dmir.” Jien wieħed minn dawk illi nemmen bis-sħiħ fil-kooperazzjoni miċ-ċittadin privat mal-awtoritajiet pubbliċi. Veru li l-liġijiet qegħdin hemm biex jiġu osservati, madankollu nemmen illi tweġibiet bħal “Il-liġi hekk titlob”, “Dak narawh aħna”, “Min jikkmanda jagħmel il-liġi” u “Dik hi l-proċedura” ma tantx jagħmlu ġieh f’kuntest demokratiku. Jeħtieġ li f’kull ħin jinġieb rispett għall-fatt illi n-nies għandhom moħħ biex jaħsbu u qalb li tħoss. Għaldaqstant, importanti li nisimgħu l-weġgħat tagħhom u nifhmu r-raġunament warajhom. Hu imperattiv illi nkunu fuq l-istess paġna tal-poplu billi niżguraw ruħna li l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali li jifforma l-pedament illi fuqu ġie mqawwaf il-Partit Laburista, jiġi rrispettat f’kull ħin. Dan ikun possibbli biss jekk l-ewwel u qabel kollox, nagħrfu niddistingwu bejn kontroll neċessarju u soffokazzjoni, u t-tieni, billi naraw li l-ugwaljanza ssaltan dejjem.