Waqt il-ftuħ uffiċjali tar-raba’ edizzjoni tal-iStart-up Festival u t-tieni edizzjoni ta’ TechXpo, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li llum jimmarka l-bidu ta’ fejn irridu lil pajjiżna fil-25 sena li ġejjin u kif flimkien se nkunu qed nibnu l-futur ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Schembri spjega li wara l-ftuħ tal-iStart-Up Festival, se ssir laqgħa tal-MCESD fejn se jibda l-proċess għall-viżjoni ta’ Malta għall-futur, Malta Vision 2050. “Kien opportun li nħabbru dan il-proċess minn hawn għaliex l-innovazzjoni u l-istart-ups huma parti essenzjali minn din il-viżjoni. Fl-aħħar snin ħdimna biex pajjiżna jkollu ekosistema b’saħħitha ta’ start-ups u permezz ta’ diversi skemi tal-Malta Enterprise, l-istart-ups saru pedina importanti fl-istrateġija ekonomika tagħna. Attività bħal din u t-TechXpo huma pjattaformi ideali fejn l-ekosistema ta’ start-ups u scale ups jieħdu l-ħajja,” qal il-Ministru Schembri.
Mill-2020 ‘l hawn, 66 proġett ġew approvati taħt l-iskema Startup Finance b’allokazzjoni ta’ €30 miljun, li €8.7 minnhom diġà ngħataw. Dawn il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi fosthom teknoloġiji diġitali, fintech, life sciences u cybersecurity. Dawn joffru impjiegi b’pagi għoljin li jvarjaw bejn €45,000 u €60,000. “Il-ħolqien ta’ dawn it-tip ta’ impjiegi huwa ċentrali għall-istrateġija ekonomika ta’ pajjiżna. Barra minn hekk dawn l-istart-ups qed iħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn hu stmat li għal kull ewro li tagħti l-Malta Enterprise, l-ekonomija tiggwadanja €2.45,” qal il-Ministru Schembri.
Din is-sena minbarra l-iStart-up Festival, qed jittella’ wkoll it-tieni edizzjoni tat-Techxpo Malta, spazju innovattiv, fejn b’mod prattiku u immersiv, il-pubbliku u l-familji se jkollhom l-opportunità jesperjenzaw l-aħħar teknoloġiji, minn AR għal VR u AI fost oħrajn. Hemm ukoll diversi kumpaniji li qegħdin joffru opportunità ta’ karrieri f’setturi li bħala pajjiż irridu nkomplu nkabbru bħall-avjazzjoni, life sciences u teknoloġija fost oħrajn.
It-TechXpo se tkun miftuħa għall-pubbliku, bla ħlas, nhar is-Sibt, 19 ta’ Ottubru bejn l-10.00 u l-17.00.