Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg elett Chairperson tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth

Share

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ġie elett biex jippresjedi l-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG) għas-sentejn li ġejjin.

 

Il-ħatra tħabbret waqt is-67 laqgħa tas-CMAG, li saret bħala parti mil-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM) 2024, f’Samoa nhar il-Ġimgħa. CMAG, li jinkludi disa’ stati membri tal-Commonwealth, jaħdem biex jiżgura li l-pajjiżi tal-Commonwealth iżommu mal-prinċipji fundamentali ta’ din l-Organizzazzjoni, inklużi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

 

 

 

Barra li tħabbar id-Deputat Prim Ministru Borg bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-Grupp, il-laqgħa tal-Ġimgħa introduċiet ukoll id-disa’ stati membri li se jkunu fil-Grupp għas-sentejn li ġejjin. Minbarra Malta, il-Grupp jinkludi wkoll lil Antigua u Barbuda, il-Botswana, il-Kanada, Grenada, il-Malasja, Mauritius, Samoa, u ż-Żambja. Malta ġiet konfermata mill-ġdid biex tkompli sservi f’CMAG għat-tieni mandat tagħha ta’ sentejn hekk kif kienet ukoll parti minn dan il-Grupp fl-2023 u l-2024.

 

Nhar il-Ġimgħa, il-Ministru Borg ingħaqad ukoll mal-mexxejja tas-56 stat tal-Commonwealth għas-Sessjoni Eżekuttiva tal-CHOGM 2024, fejn enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI).

 

“Il-futur tal-AI fil-Commonwealth huwa wieħed brillanti, iżda dan jista’ jkun possibbli biss jekk naħdmu flimkien. Permezz tal-kollaborazzjoni, riżorsi kondiviżi, u l-impenn għall-inklużjoni, nistgħu niżguraw li l-AI ssir forza pożittiva – forza li tagħti ħajja aħjar fl-Istati kollha tagħna,” afferma.

 

Malta hija impenjata li tikkollabora mal-imsieħba tal-Commonwealth biex taqsam l-għarfien tagħha u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistemi AI b’saħħithom li jagħtu prijorità lill-benesseri taċ-ċittadini u jipproteġu d-drittijiet tagħhom.

 

“L-AI trid tiġi żviluppata u implimentata b’impenn qawwi għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem,” żied jgħid Borg, waqt li laqa’ l-ħidma mwettqa mill-Konsorzju tal-AI tal-Commonwealth, li jgħaqqad flimkien is-settur privat u l-gvernijiet għall-progress f’dan il-qasam. Huwa faħħar ukoll il-Konvenzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u s-Saltna tad-Dritt imnedija mill-Kunsill tal-Ewropa f’Mejju, li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskju li dawn id-drittijiet jiġu kompromessi mill-AI.

 

 

Id-Deputat Prim Ministru Malti wissa wkoll kontra r-riskji li tinħoloq ‘AI divide’, minħabba li r-riżorsi meħtieġa għal dawn it-teknoloġiji mhumiex imqassma b’mod indaqs. Huwa fakkar li l-AI għandha wkoll il-potenzjal li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda, inklużi l-governanza, il-klima, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-agrikoltura. Madankollu, mingħajr aċċess ġust għat-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa, il-potenzjal sħiħ tal-AI biex tavvanza l-iżvilupp globali mhux se jintlaħaq.

 

“It-tweġiba tinsab f’azzjoni kollettiva u responsabbiltà kondiviża,” afferma l-Ministru Borg, u żied jgħid li, “il-Commonwealth, bil-membri diversi tagħha, tinsab f’pożizzjoni unika biex tegħleb id-diviżjoni fl-AI. Fost il-membri tagħha, hemm nazzjonijiet b’prestazzjoni għolja fl-AI kif ukoll pajjiżi li għadhom ma sfruttawx il-potenzjal sħiħ tagħhom f’dan il-qasam trasformattiv. Jeħtieġ li tiġi żgurata aċċessibbiltà aktar ġusta għall-AI, li tibbenefika direttament liċ-ċittadini u lill-ekonomiji f’pajjiżi li bħalissa jinsabu lura.”

 

Id-Deputat Prim Ministru rrefera wkoll għall-appoġġ kontinwu ta’ Malta għall-isfidi tal-Istati Żgħar Gżejjer li Qegħdin Jiżviluppaw u l-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati, li jiffurmaw parti sinifikanti mill-membri tal-Commonwealth, speċjalment fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-impatti tal-kriżi klimatika.

 

F’Samoa, il-Ministru Borg qed imexxi d-delegazzjoni tad-diplomatiċi li jirrappreżentaw lil Malta fil-laqgħat u l-avvenimenti ta’ livell għoli tal-CHOGM 2024. Huwa qed jieħu sehem ukoll f’laqgħat bilaterali mal-mexxejja ta’ diversi stati membri tal-Commonwealth.