Qed nippubblika Lment ieħor li bagħat lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dan relatat mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Toni Bezzina.
Jekk tal-Partit Nazzjonalista jaħsbu li l-Labour se jibqa’ f’rokna jaqla’ s-swat, qed jgħarralhom bil-kbir.
Ngħidilhom ukoll li meta jasal il-waqt, il-Partit Laburista se jkun qed jixgħel il-magni. Magni li ilhom żmien mitfija, u nassigurawhom li meta jinxtgħelu se jinxtgħelu bil-kbir.
Dr Joseph Azzopardi
Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
Ilmentatur: Neville Gafà
Data tal-Ilment: il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru 2024
L-Ilment:
Jirrigwarda l-Onorevoli Anthony Bezzina, Membru Parlamentari Partit Nazzjonalista – L-Erbatax-il Leġislatura li ġġib il-bidu tagħha 2022.
Illi l-Onorevoli Anthony Bezzina huwa impjegat fi ħdan id-Dipartiment tal-Public Works bħala Senior Architect & Civil Engineer.
Illi l-Onorevoli Anthony Bezzina suppost ikun qiegħed jaħdem fi ħdan id-Dipartiment tal-Public Works, imma ma jmurx għax-xogħol.
Illi l-Onorevoli Anthony Bezzina ma jirrapurtax għax-xogħol, b’allegazzjonijiet li sikwit ikun qiegħed jagħmel ix-xogħol privat tiegħu fl-istess ħin, iżda jieħu l-paga xorta waħda.
Sur Kummissarju,
Kull Deputat Parlamentari huwa marbut bil-kodiċi ta’ etika għad-Deputati li jinsab fl-ewwel skeda tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu f’kull waqt, sew jekk ġewwa jew barra l-Kamra, iġib ruħu b’mod li jkun jixhed l-istatus u d-dinjità tal-Kamra tad-Deputati.
Nemmen li meta l-Onorevoli Anthony Bezzina mhux jirrapporta fuq il-post tax-xogħol u addirittura jibqa’ jitħallas b’mod regolari, u mill-flus il- poplu, allura qed jikser il-kodiċi ta’ etika għad-Deputati.
L-Onorevoli Anthony Bezzina qed jonqos milli jsegwi l-obbligu etiku jew dmir ieħor li joħroġ mil-liġi. F’ dan il-każ għaliex huwa impjegat maċ-ċivil u allura mħallas mill-Istat.
Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-komunikat, qed ġentilment nitolbok tinvestiga lill-Onorevoli Anthony Bezzina għal dan l-abbuż li jista’ jirriżulta fi ksur tal- kodiċi ta’ etika għad-Deputati.
Tislijiet
Neville Gafà