Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kien messaġġ qawwi li l-Eżekuttiv mhux jisma’ lin-nies. Mhux talli ma kienitx rebħa soda, talli kien messaġġ sod kontra l-arroganza tal-Gvern Laburista.
Jeħtieġ li l-Ministri u Segretarji Parlamentari jibdlu l-mod ta’ kif iħarsu lejn il-kritika.
Tibqgħux tiddejqu mill-kritika. Tibqgħux tieħdu għalikom jekk xi ħadd jilmenta u jsemmikom fuq il-mezzi soċjali. Tibqgħux tħarsu b’lenti ħażina lejn min jikkritika l-operat tal-Ministeru tagħkom.
Hemm bżonn bidla fil-psikoloġija tas-Segretarjati. Użaw ‘posts’ ta’ kritika billi iddawruhom favur tagħkom. Kif? Billi tqabbdu n-nies tagħkom jagħmlu kuntatt ma min qed jilmenta u taraw kif jinqeda. Mhux iċċemplu u tintimidaw!
Nieħu pjaċir nara numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari jagħmlu kuntatt huma personalment ma min jilmenta.
Gvern Nazzjonalista ta’ wara l-2008 kien injora kompletament il-messaġġ li kien qed jibgħatlu l-poplu. Injuraw l-ilmenti u l-bżonnijiet tan-nies. Kienet ħakmithom l-arroganza. Kulħadd jaf x’ġara fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2013. Gvern Nazzjonalista sofra telfa kbira. Telfa li għadu sal-lum isofri minnha.
Dak li ġara fit-8 ta’ Ġunju huwa ripetizzjoni għal dak li ġara lill-PN fl-2013. Il-poplu wera li mhux kuntent bil-mod kif qed jamministra l-Gvern Laburista.
Matul il-jum tas-Sibt ħadt pjaċir nitkellem ma Segretarju Parlamentari. Qalli matul il-perjodu ta’ Santa Marija se jieqaf milli jara n-nies fl-uffiċċji tad-distrett, iżda sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Settembru jkompli minn fejn ħalla. Motivazzjoni li wieħed għandu japprezza.
Iżda hemm oħrajn li għadhom imsakkra fit-Torri tal-Avorju u ħol xagħrek u ġib iż-żejt jekk tgħid nofs ta’ kelma dwarhom.
Arroganza totali ‼️
Jeħtieġ inkomplu naħdmu, għaliex l-elezzjoni ġenerali wara l-bieb. Jeħtieġ inħabbtu l-bibien, għax fl-aħħar xahar inħabbtu l-bibien u ma jiftaħ ħadd.
Wasal iż-żmien li titgħallmu mit-tbeżbiża li tagħkom il-poplu xahrejn ilu. Tiddejqu xejn mill-kritika. Il-kritika tnebbaħ. Il-kritika ssaħħaħ. Il-kritika trebbaħ.
1 Comment
Internal Emotional intelligence courses will help.