Search
Close this search box.

Iffirmat ftehim għal studju dwar deċiżjonijiet tal-qrati fir-rigward tal-Awtorità tal-Artijiet

Neville Gafa

~ 3 months ago

Iffirmat ftehim għal studju dwar deċiżjonijiet tal-qrati fir-rigward tal-Awtorità tal-Artijiet

Ġie iffirmat Memorandum of Understanding (MoU) bejn il-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u l-Fakultà tal-Liġi fi ħdan l-Università ta’ Malta bl-għan li jiġu analizzati fil-fond is-sentenzi tat-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva u tal-Qorti tal-Appell fir-rigward deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Artijiet.

 

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Dan il-ftehim se jwassal għal aktar għarfien ta’ l-isfidi legali kif ukoll għal suġġerimenti ta’ reviżjonijiet fil-qafas leġiżlattiv u amministrattiv sabiex l-operat tal-Awtorità tal-Artijiet jkun aktar efficjenti u regolat b’mod aħjar filwaqt li jkun allinjat mal-aħjar prattiki legali.

 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu u qal li permezz ta’ dan il-ftehim mhux biss se nkunu qed nżidu l-għarfien legali neċessarju f’dan is-settur iżda se jservi wkoll bħala gwida aqwa għall-professjonisti u uffiċjali fil-ħidma li titwettaq.

 

“Ninsab kunfidenti li r-riżultati ta’ dan l-istudju se jkunu strumentali biex nkomplu niggwidaw lill-Awtorità tal-Artijiet lejn aktar effiċjenza u kontabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn din ir-riċerka jgħinuna mhux biss nirfinaw l-qafas legali tagħna, iżda wkoll niżguraw li l-prattiċi tal-Awtorità jkunu allinjati mal-ogħla standards tal-amministrazzjoni pubblika,” żied jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi fid-diskors tiegħu.

 

“Il-qasam tar-riċerka huwa fost il-pilastri ewlenin li fuqhom qed tinbena l-ekonomija Maltija. Il-Gvern jagħraf il-potenzjal tar-riċerka anke biex ikompli jinħoloq aktar ġid, għarfien, titjib f’setturi, u wkoll impjiegi ta’ kwalità”, qal il-Ministru Clifton Grima. “Illum għandna ftehim ieħor li jinvolvi riċerka u studju. Din hija s-sinerġija bejn l-Università ta’ Malta u entità tal-Gvern li twassal għal titjib mhux biss għal dan is-settur imma ta’ pajjiżna kollu”, enfasizza l-Ministru Grima.

 

Intant, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Alfred J. Vella, qal li huwa kburi li jafferma li l-Università hija impenjata bis-sħiħ biex twettaq id-dover ċiviku tagħha billi b’mod attiv, tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà li sservi. “Dan huwa każ ieħor, wieħed utli ħafna u meħtieġ,” żied jgħid, “fejn, billi nużaw l-għarfien legali u r-riżorsi tagħna, aħna se nkomplu naħdmu lejn it-titjib tal-benesseri ta’ kulħadd.”

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *