Search
Close this search box.

Messaġġ – Mario Fenech

Neville Gafa

~ 1 week ago

Messaġġ – Mario Fenech

Għeżież delegati,

 

Qed nindirizzakom għall-ewwel darba bħala l-iżgħar kontestant għall-elezzjoni tal-Membri Ordinarji fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL.

 

Jiena żagħżugħ ta’ 20 sena, student l-Universita’ ta’ Malta fejn qed nistudja sabiex nikseb Baċellerat tal-Arti fil-Kommunikazzjoni. Min eta’ żgħira ħabbejt dan il-partit u ninvolvi ruħi fil-ħidma fil-partit b’passjoni u b’lejalta’ kbira. Inħaddan b’konvinzjoni l-prinċipji soċjalisti-demokratiċi tal-Partit Laburista.

 

Il-familja tiegħi xprunaw dawn il-prinċipji fija, pero mas-snin hekk kif bdejt nikber ifformulajt il-konvinzjoni tiegħi li iva, dawn huma l-għanijiet u l-prinċipji li nemmen fihom jien ukoll u lest li naħdem ħa nara li dan il-partit ikun l-għażla naturali tal-poplu għaliex ikun il-partit li qed joffri l-aqwa politika li twassal għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għan-nies.

 

Bħala zagħzugħ jinteressani ħafna dan għaliex il-politika li nħaddmu llum se tirrifletti fil-kwalita’ tal-ħajja fis-snin li ġejjin.

 

Ta’ 15-il sena dħalt parti mill-fergħa ta’ Żgħażagħ Laburisti u bdejt nimpenja ruħi fil-ħidma fi ħdan din il-fergħa. Mumenti sbieħ li ma ninsa qatt partikolarment fl-aħħar elezzjoni ġenerali bil-kampanja Together We Are li kienet tant effettiva. Il-ħidma fost il-fergħa hija waħda sabiħa daqskemm hi mpenjattiva u ta’ sfida.

 

Il-ħidma tiegħi fil-fergħa kibret hekk kif sentejn ilu bdejt nokkupa l-kariga ta’ membru fl-Eżekuttiv tal-fergħa Żgħażagħ Laburisti u sirt ukoll delegat tal-partit. Li tkun delegat tal-partit huwa privileġġ speċjali u jien kburi li sirt delegat tal-partit fl-eta ta’ 18-il sena.

 

Xtaqt ukoll li nimpenja ruħi fil-ħidma lokali għall-partit u għaldaqstant tfajt in-nomina tiegħi sabiex inkun parti mill-kumitat lokali ta’ Ħal Lija/l-Iklin u qed nokkupa l-kariga ta’ Uffiċċjal Kommunikazzjoni u Relazzjonijiet Pubbliċi. F’Ġunju li għadda kkontestajt ukoll l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’isem il-PL fuq il-lokal fejn ngħix, fl-Iklin u ġejt elett bħala Minority Leader.

 

Jien nvolut ukoll fil-media tal-partit, partikolarment fil-produzzjoni ta’ programmi fuq l-istazzjon televiżiv tal-partit ONE TV. Servejt ukoll lil dan il-partit fil-proċess elettorali waqt l-aħħar żewġ elezzjonijiet li tawni esperjenza unika u sabiħa li nservi lill-partit li nħobb.

 

Dan hu l-pass naturali li jmiss fil-ħidma tiegħi fi ħdan il-partit li nemmen li joffri l-aqwa soluzzjonijiet għall-Maltin u l-Għawdxin. Irrid li nkun ta’ għajnuna sabiex inwasslu l-messaġġ tal-partit għand in-nies b’metodi li nemmen li jappellaw għaż-żminijiet ta’ llum imma wkoll nwasslu l-messaġġ b’kommunikazzjoni diretta fil-lokalitajiet tagħna.

 

Il-ħidma politika tiegħi bħala uffiċċjal u delegat f’kumitat lokali, bħala Minority Leader fil-kunsill lokali u kif ukoll bħala parti mill-Eżekuttiv tal-fergħa Żgħażagħ Laburisti, inħoss b’umilta’ li nista nservi ta’ linja diretta bejn l-Eżekuttiv Nazzjonali u l-attivisti u l-membri tal-partit.

 

Għaldaqstant nitlob b’umilta’ sabiex tisilfuni l-fiduċja tagħkom u nkun il-leħen tagħkom fi ħdan l-Eżekuttiv Nazzjonali li huwa wieħed mill-ogħla organi tal-partit tagħna. Bħal f’kull ħidma oħra li nagħmel fil-partit, lest sabiex nagħti l-mija fil-mija tiegħi u fuq kollox inkun viċin tagħkom sħabi delegati u tal-membri u l-attivisti u l-helpers tagħna.

 

Nirringrazzja lil diversi persuni li għamluli kuraġġ u ħeġġewni nitfa n-nomina tiegħi għal Membru Ordinarju fl-Eżekuttiv Nazzjonali.

 

B’mod partikolari nirringrazzja minn qalbi lill-amministrazzjoni tal-partit li jħeġġu lili u lil sħabi żgħażagħ fil-partit biex insaħħu l-ħidma tagħna u mhux bil-wisq inqas lill-Prim Ministru u Mexxej tagħna Robert Abela li jixpruna fina l-motivazzjoni u l-fiduċja sabiex inkunu protagonisti u nidħlu u niddiskutu bla xkiel temi diversi u npoġġuhom fuq l-aġenda tal-partit u tal-pajjiż.

 

B’ĦIDMA MAGĦKOM GĦALIKOM

 

Dejjem tagħkom,

 

Mario Fenech

Kandidat għall-Ezekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista

 

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *