Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej fi Brussell, fejn ġie diskuss ir-Rapport Draghi dwar il-futur tal-kompetittività fl-Ewropa u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-industriji u l-intrapriżi fis-Suq Uniku.
Il-Ministru Schembri qal li Malta tħares lejn ir-Rapport Draghi bħala kontribut pożittiv għad-diskussjonijiet dwar it-titjib tal-kompetittività Ewropea u li Malta taqbel mal-ħtieġa li jinqatgħu l-ostakli għall-kompetizzjoni kif ukoll tappoġġa reviżjoni sħiħa, speċjalment għas-setturi industrijali u tas-servizzi tagħna. Fil-fatt, Malta talbet sabiex issir enfasi fuq setturi ewlenin bħall-enerġija, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji avvanzati u t-trasport kif ukoll li jinħolqu t-Tieni Chips Act u strateġija ġdida tal-UE għal semiconductors biex inaqqsu d-dipendenzi fuq kontinenti esteri.
Irrimarka wkoll li huwa tajjeb li nkomplu bil-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni filwaqt li dan għandu jsir b’sens li ma tiġix imxekkla l-kompetittività tas-Suq Uniku. Il-Ministru Schembri tenna li għandha ssir ħidma b’aktar serjetà sabiex il-ħaddiema tagħna jkunu mħarrġa b’ħiliet fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-intelliġenza artifiċjali, il-manifattura, u l-infrastruttura diġitali.
Dwar il-konnettività, il-Ministru Schembri qal li l-kunċett tal-“one size fits all” ma jaħdimx għaliex jinjora l-bżonnijiet distinti ta’ pajjiżi membri li għandhom realtajiet differenti mill-pajjiżi l-kbar. “Bħala pajjiż magħmul minn gżejjer li jimporta aktar minn 70% tal-bżonnijiet tal-konsum tiegħu, konnettività sigura u effiċjenti kemm tal-ajru u tal-baħar huma importanti mhux biss għal sigurtà ekonomika iżda wkoll għall-eżistenza tagħna stess.
B’differenza mill-pajjiżi tal-art, Malta ma tistax tiddependi fuq in-networks tat-trasport fuq l-art u l-ferroviji, u kwalunkwe tfixkil fir-rotot marittimi jew tal-ajru jkollu impatt immedjat u sever fuq provvisti essenzjali bħall-ikel, l-enerġija, u l-mediċini.
Għalhekk, li tiġi żgurata konnettività affidabbli, affordabbli, u effiċjenti tibqa’ prijorità assoluta għan-nazzjon tagħna,” sostna l-Ministru Silvio Schembri.
Fuq l-estensjoni tal-“Qualified Majority Voting” f’ċerti setturi sensittivi li jaf tħalli impatt sproporzjonat fuq xi Stati Membri, il-Ministru Schembri qal li Malta għandha riżervi kbar fuqha però tappoġġa bil-kbir it-tnaqqis tal-piżijiet burokratiċi billi jitqies it-tnaqqis tal-obbligi ta’ rapportar b’25%.
Il-ministru kompla b’diversi laqgħat ma’ ministri oħra sabiex bħala pajjiż inkomplu nkabbru s-sapport minn pajjiżi oħra fuq dawn it-temi.
Laqgħat u żjara għand IMEC
Il-Ministru Silvio Schembri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory, kellhom taħditiet ukoll mal-kumpanija IMEC f’Leuven, iċ-ċentru ta’ riċerka u innovazzjoni ewlieni fid-dinja fil-qasam tan-nanoelettronika u t-teknoloġiji diġitali.
Iż-żjara kienet marbuta mal-Memorandum of Understanding (MoU) li l-Malta Enterprise iffirmat ma’ IMEC f’Mejju li għadda.
Id-diskussjonijiet ukoll indirizzaw żviluppi dwar l-affarijiet tal-UE, inklużi l-AI Chips Act u ċ-ċentri Ewropej ta’ kompetenza fi ħdan is-settur kif ukoll il-ħidma fuq it-trasformazzjoni ekonomika li għaddej bħalissa biha pajjiżna.
Is-sħubija ta’ Malta ma’ dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa pass importanti sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jitħarrġu f’suġġetti ta’ deep tech, microchips u nanochips, fost oħrajn.