Search
Close this search box.

Malta timbotta ’l quddiem l-attiviżmu taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni reġjonali dwar azzjoni klimatika f’COP29

Neville Gafa

~ 9 hours ago

Malta timbotta ’l quddiem l-attiviżmu taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni reġjonali dwar azzjoni klimatika f’COP29

Malta tenniet l-impenn tagħha għall-avvanz tal-azzjoni klimatika permezz tal-attiviżmu taż-żgħażagħ u l-kollaborazzjoni reġjonali f’COP29 f’Baku. Fl-ewwel jum tas-summit, akkumpanjata mill-Ambaxxattriċi Maltija għall-Klima Simone Borg, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli ltaqgħet ma’ żgħażagħ fejn faħħret l-entużjażmu u l-attiviżmu tagħhom fuq azzjonijiet favur il-klima.

 

 

Il-Ministru Miriam Dalli ddeskriviet liż-żgħażagħ bħala aġenti kruċjali biex jimbuttaw ‘il quddiem azzjonijiet u miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Matul il-jum tat-Tlieta, id-delegazzjoni Maltija ipparteċipat f’sessjoni ta’ “Youth Lead the Way – A Global Centre for Climate Mobility Event Series”. Matul din is-sessjoni, bosta żgħażagħ kellhom l-opportunità li juru x’soluzzjonijiet innovattivi qed iħarsu lejhom hekk kif it-theddida tal-għoli tal-livelli tal-baħar qed ikollha impatt fuq il-pajjiżi tagħhom.

 

“Intom iż-żgħażagħ li qed timbuttaw għar-reżiljenza u l-bidla. Ma intomx tistennew li ħaddieħor jgħidilkom kif issolvu l-problema iżda qed toħorġu bis-soluzzjonijiet intom,” qalet il-ministru waqt id-diskussjoni. Hija semmiet kif Malta waqqfet l-ewwel Awtorità Maltija għall-azzjoni dwar il-klima. “Fost affarijiet oħra, is-CAA se tkun qed tagħti spazju akbar biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw f’aktar diskussjonijiet u jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet,” kompliet il-ministru.

 

 

Hija saħqet ukoll dwar l-importanza ta’ partnerships globali li jipproteġu komunitajiet vulnerabbli mill-impatti tal-klima.

 

Matul il-jum tat-Tlieta, il-Ministru Miriam Dalli kienet mistiedna tipparteċipa f’attività organizzata mill-Greċja – “High-Level Ministerial Dialogue – Advancing International Cooperation for Climate Action and Energy Transition” li matulu tkellmet dwar kif Malta qed taħdem biex tavvanza ‘l quddiem inizjattivi favur l-użu tal-enerġija rinnovabbli. F’isem Malta, il-ministru tenniet ukoll l-impenn tal-pajjiż li joffri appoġġ lill-gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw (SIDS) permezz tal-inizjattiva Island for Islands.

 

“Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum jiffurmaw il-pedament għal ġejjien aktar reżiljenti,” qalet il-ministru.

 

COP29 huwa forum globali kruċjali li jgħaqqad mexxejja, esperti internazzjonali u attivisti taħt saqaf wieħed biex jindirizzaw l-isfidi urġenti riżultat tat-tibdil fil-klima. Tibqa’ pjattaforma ċentrali għal soluzzjonijiet klimatiċi globali trasformattivi, b’Malta ikollha rwol attiv fit-tfassil ta’ dawn id-diskussjonijiet.​

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *