Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni solviet 96% tal-każijiet kollha li rċeviet.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Miriam Dalli
Din l-istatistika hija riflessjoni tar-riżultat tal-investiment qawwi ta’ €11 miljun f’makkinarju ġdid li sar tul l-2024, kif ukoll id-dedikazzjoni bla heda tal-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD).
Matul l-2024, is-CMD irċeviet 20,218 rapport minn ċittadini u entitajiet pubbliċi, li kollha kienu relatati ma’ rapporti ta’ ħmieġ u manutenzjoni f’lokalitajiet differenti. Fil-maġġoranza tagħhom, dawn ir-rapporti waslu permezz ta’ rapport mill-app Clean & Upkeep (10,945 rapport), telefonati (6,191 rapport) jew email (2,422 rapport).
Il-Ministru Miriam Dalli laqgħet dawn iċ-ċifri bħala riżultat tal-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku, li hija kruċjali sabiex tinżamm l-indafa fi sforz konġunt. “Dawn ir-riżultati huma fuq kollox frott l-impenn ta’ ħaddiema dedikati li, xemx jew xita, ikunu fit-toroq tagħna biex pajjiżna jkun nadif. L-indafa hija parti mill-viżjoni usa’ tagħna biex inkomplu nqajmu għarfien dwar il-protezzjoni ambjentali,” tenniet il-Ministru Dalli.

Glenn Bedingfield
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield spjega kif dawn ir-riżultati juru l-impenn tal-Gvern favur l-indafa pubblika, u kif fis-sena l-ġdida dawn se jkomplu jissaħħu permezz ta’ proġetti ġodda fosthom l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. “Il-kisbiet li ksibna huma mertu tal-ħaddiema li ta’ kuljum, xemx jew xita, ikunu fit-toroq tagħna biex jagħmlu minn pajjiżna post li tieħu pjaċir tgħix fih. L-indafa pubblika u l-kwalità tal-ħajja għandhom rabta diretta flimkien u huwa sta għal kull wieħed u waħda minna biex pajjiżna nieħdu ħsiebu.”
Is-CMD rnexxielha tiġbor b’suċċess 57,600 tunnellata ta’ skart illegali matul is-sena, ċifra li tixhed l-impenn tagħha lejn għajxien f’ambjent nadif u sostenibbli għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin, filwaqt li tibni fuq is-suċċessi tal-kampanja edukattiva Xummiemu fejn aktar nies ħadu sehem attiv biex jirrappurtaw rimi illegali. Minn dawn, 46,000 tunnellata kienu skart tal-kostruzzjoni, b’40,000 tunnellata minnhom tneħħew miż-żona taċ-ċentru tal-Motorsports biex inbeda x-xogħol preparatorju.
Il-mobile app Clean and Upkeep ġiet imniżżla 4,058 darba matul l-2024. Bejn Jannar u Ġunju 2024, qabel il-bidu tal-kampanja Xummiemu, kien hemm total ta’ 842 downloads. Min-naħa l-oħra, bejn Lulju u Diċembru 2024, waqt il-kampanja Xummiemu, in-numru ta’ downloads żdied b’mod sinifikanti għal 3,216. Dan juri l-impatt pożittiv tal-kampanja fuq il-popolarità tal-app u r-rieda tal-pubbliku li jkun aktar attiv fil-proċess tal-indafa pubblika.
Ir-riżultati miksuba ma kinux possibbli mingħajr il-kontribut insostitwibbli tal-ħaddiema tas-CMD, li ta’ kuljum jagħmlu xogħol essenzjali b’dedikazzjoni u professjonalità. Huma l-qofol tal-eċċellenza li s-CMD tistinka ta’ kuljum biex tilħaq.