St John Rescue Corps b’tagħmir speċjalizzat għall-emerġenzi waqt avvenimenti kbar

Neville Gafa

~ 2 months ago

St John Rescue Corps b’tagħmir speċjalizzat għall-emerġenzi waqt avvenimenti kbar

Dan it-tagħmir ġie ffinanzjat permezz ta’ fondi mill-Voluntary Organisations Project Scheme

 

Ġie varat proġett li ser ikompli jtejjeb il-kapaċità tal-voluntiera ta’ St John Rescue Corps (SJRC) sabiex jipproteġu s-sigurtà tas-soċjetà. Dan filwaqt li jippromwovu wkoll kultura ta’ prevenzjoni u għarfien fis-saħħa u s-sigurtà lill-pubbliku inġenerali. It-tagħmir jikkonsisti f’Rapid Assembly Emergency Tents u tagħmir relatat, power generators, u tagħmir ta’ taħriġ speċjalizzat.


Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandalo waqt żjara għand is-St John Rescue Corps.

 

Julia Farrugia

 

Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €20,000 bħala parti mill-fondi allokati mill-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrati mill-MCVS fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Dan jinkludi x-xiri ta’ tagħmir speċjalizzat li jwassal għal intervent aktar f’waqtu, effiċjenti u effettiv b’appoġġ għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u l-Awtoritajiet tas-Saħħa waqt emerġenzi. L-għaqda ser ikollha kapaċitajiet aħjar biex tissalvagwardja lill-pubbliku waqt avvenimenti kbar permezz ta’ dan it-tagħmir, flimkien ma’ vetturi oħra tal-għaqda li wħud minnhom kienu wkoll parti minn proġetti ffinanzjati minn skemi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat matul is-snin li għaddew.

 

 

Dan it-tagħmir se jintuża wkoll biex jagħti taħriġ aħjar lill-voluntiera tal-għaqda biex itejbu l-kompetenzi tagħhom għall-iżvilupp personali, soċjali u professjonali.

 

Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia fissret kif il-gvern se jkompli jkun ta’ spalla għal aktar għaqdiet volontarji hekk kif mill-proġetti tagħhom tgawdi il-komunità. “Il-gvern, permezz tal-finanzjament mill-MCVS, qiegħed jinvesti bil-qawwa fl-għaqdiet u għaż-żmien li ġej, din l-għajnuna u l-finanzjament ta’ diversi proġetti se nkomplu nsaħħuhom. Proġetti bħal dawn mhux biss isaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjoni benefiċjarja, iżda wkoll juru kif bil-kollaborazzjoni bejn il-gvern u s-settur tal-volontarjat nistgħu nagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies. Dan l-investiment huwa turija ċara tal-impenn tagħna biex insostnu organizzazzjonijiet li, bi sagrifiċċju u dedikazzjoni, jaħdmu għall-ġid komuni,” temmet tgħid il-ministru.

 

 

Min-naħa tiegħu, Christopher Borg Cardona, Deputat Kummissarju tas-St John Rescue Corps, qal li “Din l-inizjattiva tirrappreżenta pass kruċjali fit-titjib tal-kapaċità tal-voluntiera tagħna li jaqdu lill-komunità b’mod aktar effettiv. B’dawn l-għodod ġodda nistgħu nappoġġjaw aħjar l-isforzi ta’ rispons għal emerġenza u nedukaw lill-pubbliku dwar miżuri li jsalvaw il-ħajja.”

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, qal li huwa ta’ pjaċir li jara għaqda bħas-St John Rescue Corps tkompli tibni l-għodod li għandha bżonn sabiex tħarreġ il-voluntiera u tkun ta’ spalla fl-assistenza f’każ ta’ emerġenzi, speċjalment dawk delikati li jirrikjedu salvataġġ u tagħmir speċjalizzat.

 

 

Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar din u inizjattivi oħra tal-Kunsill minn maltacvs.org.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *