Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati tal-lum li ma tinbediex inkjesta bil-Maġistrat li kienu talbu l-estremisti tal-Partit Nazzjonalista fil-jiem tal-Milied fil-konfront ta’ uffiċjal pubbliku li m’għandu x’jaqsam xejn mal-politika turi iktar minn qatt qabel kemm għandna bżonn ta’ riforma llum qabel għada.
F’dan il-każ persuna li lanqas ma hi fil-politika kellha isimha mxandar mal-erbat irjieħ in konnessjoni ma’ talba għal inkjesta bil-Maġistrat fuqha abbażi ta’ printouts ta’ stejjer fil-portals tal-aħbarijiet u allegazzjonijiet mitfugħa bl-addocc.
Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li f’dan il-każ mhux talli ma kien hemm provi ta’ xejn, mhux talli ma kien hemm xejn li jġibu flimkien l-allegata korruzzjoni u l-persuna, imma talli lanqas biss ma kien hemm referenza għas-suppost ksur ta’ liġi kriminali li sar.
Insaqsi: issa hekk hu sewwa?
Min se jikkumpensa lil dan l-individwu wara li ismu tkaxkar fit-tajn biex issa l-Qorti tal-Maġistrati qalet li ma kien hemm bażi ta’ xejn?
U min qabad u ħa l-ġuramenti u ried li jinfetħu l-inkjesti bil-Maġistrat fuq nies innoċenti li qed jaqdu dmirhom għas-servizz pubbliku, jibqa’ għaddej qisu m’hu xejn? Hekk, semplicement idawwar il-kanuni għall-vittma li jmiss?
Kulħadd jibqa’ b’li ħa?
Taħsbu li dan hu sewwa? Taħsbu li dan għandu jibqa’ għaddej?
X’kontu tħossu kieku minflok is-Sur Robert Vella kien hemm intom, jew żwieġkom jew binkom mitfugħ it-tajn u mżeblaħ?
Ir-reputazzjoni u s-saħħa mentali m’għadha tfisser xejn f’dan il-pajjiż?
Ejja nirriformaw illum qabel għada biex dan l-abbuż jiġi indirizzat.