Dan l-aħħar kont qed inkellimkom ftit dwar Id-Deputat Ryan Callus … dak li spiċċa photoshopped minn ritratt. Din l-istorja ma waqfitx fuq Facebook u videos, taħsbux. Spiċċat quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż: il-Parlament.
Daħħal mhux waħda, lanqas tnejn… imma 4 mistoqsijiet parlamentari fuq dan “l-iskandlu”, kollha għall-Ministru Miriam Dalli.

Miriam Dalli
Insomma, dan tgħallem x’inhuma t-tattiċi ta’ persekuzzjoni u ħela ta’ ħin li sħabu tal-klikka biss jafu jagħmlu. Xejn ġdid… ħlief li dan seħibna Callus skoprejna kemm hu bikkej.
Mank jaħasra kellu l-guts jgħid għalfejn qed jaħli l-ħin tal-Parlament. Ma tarax. Inkella kif se jidher?!
X’għamel minflok? Għamel mistoqsija parlamentari, jirreferi għalih innifsu fit-tielet persuna… “Tista l-Ministru tgħid min kien l-uffiċjal li rranġa ritratt li kien juri Deputat tal-Oppożizzjoni f’attività tal-WSC li saret fil-11 ta’ Novembru 2024 u tpoġġa “persuna” oħra minfloku, hekk kif jidhru fir-ritratti li qed jintbagħtu separatement?”
Kien diġa nesa’ li l-attivita’ mhux il-Korporazzjoni organizzata, imma insomma.
U aktar mistoqsijiet: u min hu l-brand manager, kemm għandu paga u kif intgħażel, u x’azzjoni dixxiplinarja ttieħdet u jekk il-photoshop sarx waqt il-ħin tax-xogħol u x’apparat uża. Insomma, investigazzjoni sħiħa ala l-Ispettur Clouseau.
Il-Ministru Miriam Dalli ma qgħaditx għal logħba tiegħu, u fakkritu li l-pagi huma skond il-ftehim kollettiv (xi ħaġa pubblika).

Mistoqsija Parlamentari
Imma din ma daqqitx għal widnejn Callus, għax il-Ministru Dalli kixfitu ta’ li hu. Allura, ried jogħla (jew jinżel) livell ieħor. Talab ruling mill-iSpeaker kontra Dalli, ħeqq għax miskin ma għandux ċans joqgħod ifittex fil-ftehim kollettiv u ried jobbligaha tippreżentahulu.
L-iSpeaker Anġlu Farrugia spiċċa qatgħalu l-għatx bil-perżuta għax fi ftit kliem qallu, li ġaladarba saret referenza għad-dokument, u mhux ġie kkwotat, is-Sedja ma tistax tordna li dan id-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ngħidilkom aktar dwar il-mistoqsijiet l-oħra dalwaqt.