Għaddiet ġimgħa mindu dan is-sit ippubblika għadd ta’ artikli relatati mal-imġieba moqżieża ta’ Joe Sammut, dak li minn politiku fallut sab ruħu Ambaxxatur.
Dan wara li mar jeqred għand Robert Abela sabiex jagħtih impjieg. Robert Abela ħenn għalih u fetaħlu l-bieb u wara ftit taż-żmien laħaq Ambaxxatur Malti għat-Tuneżija.
Minkejja li dan is-sit żvela diskursata ta’ Joe Sammut fejn tkellem kontra il-Ministru tiegħu Ian Borg, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u dwar il-Prim Ministru Robert Abela, sal-lum ma ttieħdu ebda passi.
Dan is-sit għamel jumejn jipprova jagħmel kuntatt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iżda kien kollu għal xejn. Wara t-tielet jum irċevejna messaġġ mill-Ministeru biex niktbu uffiċjalment lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru.
Tajjeb ukoll! Mela l- Ministeru tal-Affarijiet Barranin jippretendi li aħna nagħmlu xogħolhom. Araw ftit x’apatija.
Dan is-sit ma kitibx uffiċjalment għaliex sta għall-Ministeru li jinvestiga u jagħmel kuntatt magħna u jitlob aktar tagħrif. Dan juri n-nuqqas ta’ ħeġġa mill- Ministeru għall-Affarijiet Barranin kif ukoll nuqqas ta’ rispett lejn il-Ministru Ian Borg. Jidher ċar li għal Ministeru għall-Affarijiet Barranin hija aċċettabbli li Ambaxxatur jitkellem b’mod dispreġġjattiv fil- konfront tal-Ministru u Prim Ministri.
Dawn huma uffiċjali pubbliċi responsabbli mill-ħarsien tal-Protokoll. Uffiċjali pubbliċi li jaħsbu li laħqu l-Alla u jaraw lil kulħadd dubbien.
Dan huwa gvern li jħobb jissawwat. Mhux ta’ b’xejn imbagħad naraw l-Oppożizzjoni kif ukoll għaqdiet bħal Repubblika jitkellmu bl-aktar mod baxx fil-konfront tal-Partit u l-Gvern Laburista u l-esponenti tiegħu.
Nitlob lill-qarrejja ta’ dan is-sit sabiex tiċċirkolaw dan l-artiklu mal-kuntatti tagħkom ħalli nesponu lill-awtoritajiet li suppost qedgħin hemm biex iħarsu lill-Mexxejja tal- pajjiż.
Imisskom tistħu. Qed tibgħatu messaġġ li xejn ma hu xejn għalikom.
Fl-aħħar nett nagħlaq bil-kliem tal-Ambaxxatur Joe Sammut, b’referenza għal Dr. Joseph Muscat; “Int ibqa’ ddefendi lil dak li ħexa l-Malta f’sormha.”
1 Comment
Prosit Gafa.