Segwejt il-fjask diplomatiku li seħħ nhar il-ġimgħa bejn il-Presidenti Trump u Zelensky. Irrid ngħid li huwa fjask li seħħ tort taż-żewġ partijiet. M’hux qed nikteb dan f’livell tal-karigi li okkupajt jew li nokkupa, pero’ bħala ċittadin Ewropew u tad-dinja li għandi għal qalbi minn żgħożiti s-settur tal-affarijiet barranin, ċertament inkwetat fuq is-sitwazzjoni l-aktar kif qedha tiżvolġi u rrid nara [bħal maġġoranza tan-nies fid-dinja] il-paċi fid-dinja!
Lil hinn mir-retorika u minn politiċi, fuq livell Ewropew u anke nazzjonali, li ilhom dawn l-aħħar jiem idoqqu ir-‘ritirata’ u jiktbu messaġġi twal fuq il-media soċjali sabiex jiġġustifikaw il-posizzjoni li ħadu dawn l-aħħar snin jew in-nuqqas ta’ ‘political foresight’ li kellhom.
Il-‘Four Point Plan’ maqbula fost pajjiżi Ewropej ilbieraħ u mmexxija mill-PM Ingliż m’hemmx dubbju li turi livell t’għaqda fost il-pajjiżi Ewropej u appoġ lil Ukraina. Xorta waħda pero’ kien nieqes plejer importanti fuq il-medja li huwa l-USA.
Madanakollu xorta jibqa’ l-fatt li l-paċi bejn l-Ukraina u r-Russja hija prijorita’ aktar minn qatt qabel. Malta, bin-newtralita’ tagħna, li hija rilevanti ferm aktar minn qatt qabel, għandha tilgħab rwol importanti f’dan il-punt kruċjali, jiena ngħid lil hinn mill-pożizzjoni tagħha fi ħdan l-UE.
In-newtralita’ tagħna ma tfissirx li nibqgħu passivi, anżi ssaħħaħna li nistgħu inkunu proattivi u interlokutur formidabbli fost il-partijiet kollha involuti. Iżda biex isir dan Malta trid tagħmel sforz kbir sabiex tlaqqa’ l-plejers KOLLHA li huma importanti ħalli jwasslu għal paċi effettiva u permanenti, li huma; Ukraina, Russja, UE, USA, il-pajjiżi tal-UE fil-kapaċita’ tagħhom bħala nazzjonijiet Ewropej u pajjiżi Ewropej [m’hux Stati-Membri tal-UE] oħra bħal, per eżempju, ir-Renju Unit.
It-triq tal-PAĊI biss hija t-triq ‘il quddiem u Malta għandha tkun protagonista f’dan kollu !