Oliver de Degaetano : Iċ-ċittadin l-ewwel

Neville Gafa

~ 19 hours ago

Oliver de Degaetano : Iċ-ċittadin l-ewwel

Min, bħali, dejjem kienet tinteressah il-politika, żgur li jiftakar l-islogan li kien uża l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali tal-1996. Dan l-islogan kien: “Iċ-Ċittadin l-Ewwel!”. Hekk sewwa u xieraq, għax kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni, il-politika toffrilu terren fertili biex ikun jista’ joħloq id-differenza fil-ħajja tan-nies. Biss, tajjeb li f’kull ħin ikun żgurat illi tali differenza tkun għall-aħjar għax fl-aħħar mill-aħħar, kull min jistinka fil-kamp politiku mhuwiex għajr qedjagħti servizz lill-poplu. Sfortunatament, meta wieħed jipponta jgħid l-affarijiet kif inhuma, mhux dejjem se jidher ħelu f’għajnejn ħaddieħor, anke fid-dawl tal-fatt li l-verità tweġġa’. Parir wieħed nagħtikom – diment li temmnu f’dak illi qegħdin tagħmlu u tafu b’ċertezza li għandkom raġun, ibqgħu mbuttaw fid-direzzjoni t-tajba. Anke jekk f’dak il-mument tafu tidhru koroh, serrħu l-menti li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u ż-żmien jagħti parir dwar min verament kien jinsab fis-sewwa.

 

Id-dritt ħabib Alla

 

Qatt ma ddejjaqt nittratta suġġetti li ħafna jippreferu li jevitaw għax ma jridu jfuħu jew jintnu ma’ ħadd. Kunu afu ħaġa – inutli tgħiduli biex ma nċaqlaqx mewġ u biex naħsel il-ħwejjeġ maħmuġin id-dar. M’jien se nħalli li ħadd jissilenzjani. Tistgħu sserrħu l-menti li dak illi nikteb hawn, nista’ faċilment niktbu band’oħra. Kelli diversi offerti biex nagħmel dan, però dejjem għażilt li nibqa’ leali lejn il-prinċipji tiegħi. Meta dak li tagħmel tagħmlu minn qalbek u professjonalment, tikseb element ta’ awtosuffiċjenza. Tiftakru meta f’wieħed mill-artikli passati tiegħi, kont esprimejt in-nuqqas qawwi ta’ qbil tiegħi mal-bidla fil-liġi li tirregola l-faċilitajiet Airbnb? Dan peress li din ir-riforma kienet tesiġi li l-operaturi jitolbu l-permess tal-ġirien minn qabel ħalli jkunu jistgħu jkomplu joperaw. B’xorti tajba, il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tat-Turiżmu, l-Onor. Ian Borg, ħabbar li din il-liġi se tiġi abolita. F’pajjiż fejn il-pika bejn il-ġirien hija l-ordni tal-ġurnata, u fejn spiss wieħed tuġgħu żaqqu għas-suċċess ta’ għajru, ma jagħmel sens xejn li dawk illi nefqu flushom sabiex jidħlu fis-suq tal-Airbnb jitpoġġew ostaġġi tal-fortuna f’idejn l-inkwilini l-oħra tal-blokka appartamenti mnejn tkun topera l-faċilità. Tistgħu sserrħu moħħkom li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-faċilitajiet kien ikollhom jagħlqu l-bibien tagħhom darba għal dejjem.

 

Fadal xi jsir

 

Fadal bosta liġijiet oħrajn li mhux biss imorru kontra kull ħjiel ta’ loġika iżda, agħar minn hekk, jiksru bil-kbir il-prinċipju tal-proporzjonalità. Kont ukoll ġbidt l-attenzjoni dwar il-fatt li ġew imħarrxa l-pieni għal dawk li jaggredixxu uffiċjal pubbliku. Għalkemm fil-prinċipju naqbel bis-sħiħ mar-rispett lejn l-awtorità, nemmen li tali rispett għandu jkun reċiproku. Barra minn hekk, mhux aċċettabbli li persuna tingħata sentenza effettiva ta’ ħabs f’każijiet bħal dawn. Bl-ebda mod ma rrid ninstema’ li qed niġġustifika l-vjolenza però, inħoss li kull każ għandu jittieħed fil-kuntest tiegħu u, fuq kollox, għandu jitqies ukoll jekk kienx hemm provokazzjoni min-naħa tal-uffiċjal pubbliku in kwistjoni. Mhux l-ewwel darba li smajna b’min telagħlu l-poter għal rasu sal-punt li beda jara liċċittadini dubbien, tant li lanqas kellu d-deċenza jindirizzahom b’sens ta’ kortesija jew għall-inqas, ta’ deċenza. Jekk xejn, kellhom jiħraxu wkoll il-pieni għal dawk l-uffiċjali pubbliċi li jabbużaw mill-poter mgħoddi lilhom mil-liġi. Min jaf kieku kellha tingħata sentenza effettiva ta’ ħabs lil dawk l-uffiċjali li waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jaggredixxu liċ-ċittadin privat? Mela wara li tirrappurtahom, jispiċċaw jidhru quddiem xi bord intern tad-dixxiplina u barra bid-daqq, mingħajr ma tingħata sodisfazzjon dwar x’kastig ingħataw! Dan l-atteġġjament huwa wieħed reminixxenti ta’ tirannija. Raġunamenti bħal “Kappell ma jmejjilx lill-ieħor”, “Il-ħuta ż-żgħira qatt ma kielet il-ħuta l-kbira” u “Huma qegħdin fuq, mhux int!”, ma jagħmlux ġieħ f’kuntest demokratiku. Ħadd mhu fuq ħadd! Tajjeb niftakru li l-awtoritajiet regolatorji u l-uffiċjali li jirrappreżentawhom qegħdin hemm għas-servizz tal-poplu, u biex jaġixxu fl-aħjar interess tiegħu – ħaġa li huma mħallsin biex jagħmlu mit-taxxi tagħna stess. Lili dejjem se ssibuni fuq l-istess paġna taż-żgħir u ta’ min ikollu jagħmel sforz ikbar minn ħaddieħor biex jirnexxilu jwassal il-messaġġ tiegħu. Kieku ma kontx nimmilta fi ħdan il-Partit Laburista fl-ewwel lok!

 

Il-ġid komuni

 

Għadkom ma tafux xi privileġġ hu li ta’ kuljum tistinka biex tiddefendi lill-iżgħar fost iż-żgħar, u nista’ nassigurakom mid-determinazzjoni tiegħi li nkompli nagħmel dan. Qed ngħid hekk għax fil-ħajja huwa imperattiv li wieħed jitkellem dwar x’iħoss li jista’ jsir aħjar, diment li jagħmel dan b’sens ta’ rieda tajba. Fil-verità, meta persuna jkollha s-sinsla biextagħmel dan, tkun qiegħda turi element ta’ altruwiżmu għax ma tkunx qed taħseb biss fiha nnifisha, iżda fis-soċjetà b’mod ġenerali. Eżempju ċar kien meta lejn il-bidu ta’ din is-sena, il-partit politiku ġdid, ‘Momentum’, ressaq rapport lill-Uffiċċju tal-Ombudsman, fir-rigward ta’ problemi tekniċi fis-sistematal-petizzjonijiet onlajn. Fost affarijiet oħra, dawn kienu qegħdin jimpedixxu persuni milli jiffirmaw petizzjoni; persuni li kienu ressqu xi lment bdew jirċievu notifiki li d-dettalji pprovduti minnhom kienu żbaljati, mingħajr ma qatt ingħatawebda indikazzjoni ċara ta’ x’kienet il-problema; intbagħtu notifiki lil individwi li kienu ssottomettew ilmenti, u liisimhom ma kienx jinsab fir-reġistru elettorali, minkejja lidawn huma ċittadini Maltin li għandhom id-dritt tal-vot; kif ukoll kien hemm nies illi rċevew messaġġ li d-dettalji pprovduti minnhom ma setgħux jiġu milqugħin, u għaldaqstant ġew mistoqsija jikkuntattjaw lill-parlament permezz tat-telefown jew tal-imejl. Kif jgħid il-Malti: “Jekk ma tibkix, ma terdax!”, u fil-fatt, ir-rapport li sar minn ‘Momentum’ wassal biex uffiċjali tal-Parlament irrikonoxxew tali difetti tekniċi fis-sistema, liema difetti jistgħu jfixklu liċ-ċittadini milli jiffirmaw petizzjonijiet parlamentari, u preżentement qed jittieħdu l-miżuri neċessarji bil-ħsieb illi dawn il-kwistjonijiet tekniċi jiġu rmedjati.

 

Min għandu l-iktar saħħa jħawwel?

 

Dan huwa proverbju li spiss kienu jtennu missirijietna, biss, ma naqbel miegħu xejn! Mhux biss nemmen li l-ħsieb warajh huwa perikoluż, peress li jaf jifrex tapit lil min għandu l-mazz tal-karti f’idejh sabiex jirrombla fuq ħaddieħor, minbarra li huwa dijametrikament oppost għat-twemmin ippropagat mill-Partit Laburista. Dak li ġara lejn tmiem il-ġimgħa l-oħra waqt il-laqgħa bejn il-President Amerikan, Donald Trump, u dak Ukren, Volodymyr Zelenskyy, huwa reminixxenti tar-raġunament li fuqu jistrieħ dan il-proverbju. Naħseb li taqblu miegħi li kemm l-attitudni tal-President, Donald Trump, kif ukoll dik tal-Viċi-President tal-Istati Uniti, James David Vance, kienet waħda pjuttost initimidatorja hekk kif il-messaġġ li ppruvaw iwasslu lil Zelenskyy kien li l-Amerika għandha l-mazz tal-karti f’idejha fid-dawl tas-saħħa kbira li għandha. Kollu minnu li l-Amerika hija superpotenza enormi, bħalma huwa minnu li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn l-għajnuna tal-Amerika biex l-Ukrajna li fl-aħħar mill-aħħar, tinsab fost id-disa’ pajjiżi kandidati attwali biex jissieħbu b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea, tkun tista’ tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja. Dan l-atteġġjament huwa wieħed għal kollox inaċċettabbli għax fil-ħajja, għalkemm ilkoll kemm aħna bżonn xulxin, xorta jibqa’ l-fatt li kulħadd għandu d-dinjità tiegħu u li d-drittijiet ta’ wieħed jispiċċaw fejn jibdew id-drittijiet tal-ieħor, inkella nispiċċaw ngħaffġu lil xulxin. Huwa proprju għalhekk li iżjed kmieni f’dan l-artiklu ġbidt l-attenzjoni dwar l-importanza li r-rispett muri lejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-uffiċjali li jirrappreżentawhom, ikun wieħed reċiproku. Jisgħob bija ngħid li ġieli tkellimt ma’ klijenti kif ukoll ma’ kostitwenti li meta kellhom inkontri ma’ ċerti awtoritajiet u uffiċjali pubbliċi, ingħataw il-messaġġ li għax dawn tal-aħħar għandhom ix-xlief f’idejhom, iċ-ċittadin irid joqgħod għal kull ma jgħidulu, akkost li d-drittijiet tiegħu kienu qed jintrifsu bil-kbir fil-proċess.

 

Il-ħidma tkompli

 

Fil-ħajja, meta wieħed ma jiħux is-sogru li jagħmel pass ’il quddiem, qajla għandu riskju li jeħodha għal wiċċu. Biss, ikollu jiffaċċja r-realtà li se jibqa’ fejn hu! Il-kompjaċenza qatt m’għamlet lil ħadd nies. Għalhekk, huwa imperattiv li nkomplu nisfidaw l-istatus quo billi ndaħħlu l-bidliet meħtieġa bil-għan li ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Kienet l-introduzzjoni ta’ diversi riformi li ppermettiet lill-Partit Laburista jkompli jiġġedded, u għaldaqstant, jibqa’ rilevanti, anke jekk dan ix-xahar se jagħlaq tnax-il sena fit-tmun tal-pajjiż.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. Zoru March 9, 2025

    Sewwa ktibt li dritt habib Alla u naqbel perfettament ukoll kif hemm miktub li Min hu l aqwa jhawwel. Hu mil kas ta iben l eks kummisarju Rizzo u Hu l magistrata Elaine Rizzo ghax ghandhom is sahha baqa kollox mistur nistaqsi jiena ? sur Gafa tajjeb li nkunu aggornati halli ma jibqax dubju.

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *