Meta dan l-aħħar, fl-eqqel tat-tilwima li kellha l-union tat-tobba, il-MAM, mal-Gvern, numru ta’ membri tal-MAM ħarġu jakkużaw lil Martin Balzan li ma sejjaħx il-laqgħa ġenerali biex baqa’ jokkupa postu, Pawlu Pace tal-MUMN tgħidx kemm skandalizza ruħu bin-nuqqas ta’ kredenzjali demokratiċi ta’ Martin Balzan u l-MAM.
Kien l-għors tiegħu jdur is-swali u jiżżeblaħ b’Martin Balzan.
Imma tajjeb li wieħed janalizza ftit jekk dan hux każ ta’ l-ispiżjar li jagħtik milli jkollu. Tajjeb li wieħed jara jekk dan hux veru każ li kieku il-ġemel jara ħotobtu , jaqa’ u jmut zopptu.
Allura ikun xieraq li Pawlu Pace jgħidilna xi ħaġa fuq il-kredenzjali demokratiċi tiegħu stess.
Sur Pawl, għidilna naqra, jekk tista’, jekk fl-aħħar ħatra tal-Kunsill tal-MUMN, imxejtux mal-istatut?
Sur Pawl, għidilna naqra jekk qatt sarx tbagħbis ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-MUMN?
Illuminana, jekk jogħġbok, jekk qatt organizzajtx block vote?
Għidilna ftit kemm hemm nies interni li jafu bit-tbagħbis?