L-Għerf Politiku tas-Sur Eucharist Mizzi

Neville Gafa

~ 4 weeks ago

L-Għerf Politiku tas-Sur Eucharist Mizzi

Jekk Thomas Bajada għandu obbligazzjonijiet lejn Edward Mizzi, dak li flimkien mal-imgħallem tiegħu Simon Busuttil għamel ‘show’ fi Strada Rjali b’salt kaxxi tal-pizza vojta fejn litteralment iddemoralizza kull Laburist ġenwin, allura għandu jerfa’ r-responsabbiltà għalihom hu personalment. Qatt ma kellu jwikkih lill-Gvern Laburista.

 

F’dan l-artiklu se nkomplu nelaboraw dwar il-maniġġi li ilhom għaddejjin f’Għawdex sa mis-sena l-loħra.

 

Imbagħad noqgħodu niskantaw għax f’Għawdex, il- Partit Laburista għandna emorraġija ta’ voti.

 

Ħbieb, innutaw x’saħħa għandu Eucharist Mizzi, missier Edward Mizzi tal-pizza, dak li llum sab postu koxxa ma koxxa mas-CEO tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa. Però dwar Matthew Zerafa nitkellmu f’artikli oħra. 

 

Araw kif Euchar Mizzi rnexxielu saħansitra jinfiltra u jdeffes denbu fil-qalba tal-Gvern Laburista.

 

Impressjonanti.

 

Il-familja ta’ Eucharist Mizzi, l-akbar familja Nazzjonalista f’Għawdex, għal għexieren ta’ snin magħrufa għall-influwenza li kellha u għad għandha fuq il-PN.

 

Eucharist Mizzi

 

Illum se nkomplu nitkellmu dwar il-ħidma politika ta’ Euchar Mizzi f’Għawdex. Mhux se nikkritah għal dan, għax fl-aħħar mill-aħħar qed jagħmel xogħolu f’ġieħ it- twemmin li dejjem ħaddan. Għal dan ninżagħlu l-kappell għax hekk titlob l-lealtà.

 

Eucharist Mizzi xogħolu jindukra l-kandidati tal-PN f’Għawdex. Tafu lil liema kandidat Nazzjonalista l-aktar li jappoġġja?

 

Poġġu bilqegħda u ħuduha bil-mod.

 

Is-Sur Eucharist Mizzi qed jappoġġja b’mod partikolari lil Dr. Frank Anthony Tabone.

 

Tiftakru min hu dan Frank Tabone?

 

Frank Tabone

 

Frank Anthony Tabone kien Fizzjal fil-Korp tal-Pulizija. Kien f’diversi dipartimenti fosthom l-FCID. Frank Anthony Tabone ħareġ bl-idea li ssir tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat.  Minn dakinhar tax-show, Frank Anthony Tabone ma baqax fil-Korp tal-Pulizija għax xogħlu kien għamlu. L-aqwa li ħammeġ.  Issa minflok intefa’ fil-politika u ġie approvat uffiċjalment bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista fuq Ghawdex.

 

Il-premju li wegħduh huwa li jkollu l-magna tal-partit warajh u jagħtuh Ministeru f’każ ta’ rebħa Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

 

Il-PN il-wegħda ma Frank Tabone mhux talli qed jonoraha, talli għandu l-appoġġ tal-uffiċjal numru wieħed f’Għawdex – Eucharist Mizzi.

 

Saħansitra Euchar Mizzi anke jagħmel ‘shares’ tal- ‘posts’ tal-avukat Frank Tabone, kandidat approvat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex.

 

 

Minkejja dan kollu u aktar, ibnu Edward Mizzi huwa fdat minn Thomas Bajada u saħansitra kien parti mill-campaign team tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena l-oħra.

 

Prosit Euchar. Li int annimal politiku konna nafu. Però li int daqshekk fin u jirnexxielek tinfiltra fil-Partit Laburista b’dan il-mod, allura jixraqlek kull tifħir mill- Partit Nazzjonalista li tant int leali lejh.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. Vince March 26, 2025

    Sur Gafa, il-Partit Laburista tilef u qed jitlef aktar voti mhux minħabba s-Sur Euchar Mizzi. Dak qed jagħmel u xogħolu u qed jagħmlu għall-ġid tal-partit tiegħu. Il-voti qed jintilfu minħabba l-arroganza, inkompetenza grassa u qassatat li għamlu u qed jagħmlu ċertu ministri. Huma dawn li qed itelfu l-voti lill-Partit, b’riskju kbir li jitlef l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Ministri li kulħadd jaf minn huma, kulħadd jaf bil-qassatat li għamlu u qed jagħmlu u donnu li ma jiġri xejn! Biżżejjed titkellem ma’ nies li jaħdmu fis-settur pubbliku biex tkun taf x’inhu għaddej u kif dwan dejqu lil kulħadd. Ħares lejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali li għaddew, ara fejn il-Partit naqqas il-voti, ara kif kandidati magħrufin sew li kien imbuttati minn ċertu ministri u baqgħu l-art, fejn il-partit kellu l-maġġoranza u tilifha u malajr tifhem għalfejn!! Intenni, li ċertu ministri messhom ilhom li tneħħew. In-nies xebgħu bihom!

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *