SKANDLU GDID MINN PAWLU PACE TAL-MUMN U SĦABU

Neville Gafa

~ 5 days ago

SKANDLU GDID MINN PAWLU PACE TAL-MUMN U SĦABU

Din il-ġimgħa semmejtilkom kif Pawlu Pace, tal-MUMN, sab mezz kif ifotti anki l-iskema tat-tfaddil tal-leave. Abbuzaha u ħalibha aktar minn 2,300 siegħa. Skandlu li qed nitlob lill-Ispettur Rodney Wayne Borg u lill-Avukat Ġenerali biex iħarsu lejh u jżiduh mal-kullana ta’ akkużi kriminali li jistgħu jipproċedu kontrih.

 

Imma illum għandi xi ħaġa oħra ġdida. Għax dan Pawlu Pace donnu li ma jkunx kuntent jekk ma jkollux il-possibilta’ li kull ħaġa li jmiss magħha ‘jfotti’ fiha. Qed ngħid dan kollu għaliex skoprejt racket ieħor li hu involut fih.

 

 

 

 

Mela isimghuha. Taħraq ,tagħli u tismot.

 

Irċevejt diversi lmenti minn infermiera membri tal-MUMN, li biex tkunu tafu  il-miżata tal-union tagħhom hija l-ogħla fost it-trade unions kollha tal-Ewropa, fejn qed jgħiduli li l-MUMN, kuntrarjament għal unions oħra, ma toffrilhom l-ebda sevizzi nhar ta’ Sibt. Qaluli wkoll li fost il-ġimgħa, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, wara s-1.30pm ma jsibu lil ħadd fil-union mill-uffiċjali.

 

Kif naghmel dejjem, dak li nirċievi nivverifikah u ninvestigah. Ilni tliet ġimgħat inċempel kuljum, wara s-1.30pm, fuq in-numru tal-MUMN 2144 8542. Ħadd qatt ma rrispondieni, avolja suppost hemm 6 Uffiċjali tal-union li huma rilaxxati mill-impjieg tagħhom minn mal-Gvern biex jaħdmu u jagħtu servizz lill-membri.

 

Naf diġà li r-reazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali għal dan se tkun xi ħaġa hekk…..li kif imexxu il-union hija biċċa tagħhom u mhux tiegħi.

 

Imma lilna din tinteressana għaliex kull wieħed minnhom dawn is-6 qed jirċievi salarju mingħand il-Gvern mhux mingħand il-union. Salarju li huwa imħallas kollu mit-taxxi tagħna. Lil dawn qed inħallsulhom ħadd ħlief int u jien. U huma rilaxxati biex jagħtu ġimgħa xogħol sħiħa. Mhux nofsha.

 

Nisthajjilkom tistaqsuni, “dan hu r-racket kollu li skoprejt, Neville?”

 

Stennew ftit. Ir-racket niġi għalih dalwaqt. Ħa nkompli bl-ispjega tieghi.

 

Waqt li għaddej nivverifika, sibt li l-MUMN, sa ftit taż-żmien ilu, kienet intitolata li magħha jkollha 4 infermiera sekondati minn mal-Gvern. Dawn l-4 kienu Alexander Manche’, Joseph Aquilina, George Saliba u Chantelle Marie Muscat. Minn ftit taż-żmien ilu ‘l hawn, tistaqsunix kif u x’fatta, in-numru ta’ infermiera rilaxxati għal mal-MUMN, l-ewwel xi ħadd iddeċieda li minn 4 jtellgħu għal 5, u wara reġa’ telgħha għal 6.

 

“U r-racket?” Ħudu ftit ieħor paċenzja. Se nasal għalih daqt.

 

Il-mument li n-numru tela’ minn 4 għal 5, daħal jimla’ l-post is-Segretarju Ġenerali, Colin Galea, li sa dak iż-żmien kien għadu qatt ma għamel talba biex ikun rilaxxat mal-union. Bil-5 postijiet mimlija, post għal Pawlu Pace ma kienx fadal. Allura x’ għamel Pawlu Pace? Ittermina r-rilaxx ta’ Joseph Aquilina u daħal minfloku hu.

 

 

Konġura li diga ktibt  dwarha xi ġimgħat ilu. Eventwalment, in-numru minn 5 tela’ ghal 6 u minflok reġgħu sejhu lura lil Joseph Aquilina, kif kien xieraq, irregalaw il-post lil William Grech, dak li llum hu midluk li jkun is-suċċessur ta’ Pawlu Pace.

 

Niġi issa għar-racket. Lesti? Tlaqna.

 

Dawn is-6 Uffiċjali, jiġifieri Pawlu Pace (President), Colin Galea (Segretarju Generali), Alexander Manche’ (Vici President), George Saliba (Segretarju Finanzi) Chantelle-Marie Muscat (Office Administrator) u William Grech (Vici Segretarju Generali), suppost jaħdmu ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa. Madankollu, huma qiegħdin jitħallsu ta’ 46 siegħa u nofs fil-ġimgħa, bħan-nurses li jaħdmu bix-xift fl-isptarijiet, bl-aħħar 6 siegħat u nofs jitħallsu għalihom bir-rata ta’ overtime.

 

Iktar minn hekk, qiegħdin jitħallsu wkoll tas-Sunday Premium, tal-Public Holiday Premium u l-allowances l-oħra kollha.

 

 

Mela qiegħdin jitħallsu, minn flusna, ta’ 6 siegħat u nofs żejda bir-rata tal-overtime meta ma jaħdmuhomx, u qiegħdin jitħallsu il-premium tal-Ħdud u l-festi, meta la jaħdmuhom u lanqas tgħid jipprovdu servizz nhar ta’ Sibt.

 

Agħar u agħar minn hekk, isimgħu din, dawn jidhlu għax-xogħol il-union mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.15am sas-1.30pm.

 

Jiġifieri qiegħdin jaħdmu biss 30 siegħa fil-ġimgħa u mhux 46 siegħa u nofs. Dan ifisser li qiegħdin jisirqu 16-il siegħa u nofs fil-ġimgħa, l-aħħar 6 sieghat u nofs bir-rata tal-overtime. Jekk timmultiplikahom għal 52 ġimgħa, jirriżulta li qiegħdin, kull wieħed u waħda minnhom, jieħdu 1,027 siegħa fis-sena fi ħlas mhux dovut.

 

Jekk dan mhux racket, mela spjegawli intom kif ikun wieħed.

 

Għalhekk, qed hawn nitlob lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali biex jinkludu din fl-investigazzjoni. Qed nitlob ukoll lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali biex jidħol jara ftit dawn l-irregolaritajiet.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *