Il-Ministru Roderick Galdes mar jiġri jsib rifuġju fuq l-istazzjon tal-Knisja, speċifikament fuq il-programm tad-Defnist Andrew Azzopardi.
Però kif jgħid il-Malti ; kull deni ħudu b’ġid.
Waqt il-programm, il-Ministeru Roderick Galdes waqatlu l-maskla. Ħareġ jiddefendi lil Edward Mizzi, bin Eucharist Mizzi, arċi Nazzjonalist, President tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.
Edward Mizzi, dak li sal-2018 kien l’id il-leminija ta’ Simon Busuttil. Mhux talli iddefendih, talli ammetta li jridu miegħu.
Galdes iddeskriva l-qagħda tiegħu fuq il- post tax-xogħol bħala ħaddiem normali.
Nerġa infakkar li Edward Mizzi jokkupa l-kariga ta’ “Senior Manager in the CEOs Office” fl-Awtorità tad-Djar. Mill-Uffiċċju ta’ min fl-2017 prova jitfagħna fl-Oppożizzjoni, għall-uffiċċju tas-CEO tal-Housing!

Edward Mizzi mal-Kap tiegħu Simon Busuttil
Filli l-id il-leminija ta’ Simon Busuttil, jispiċċa Senior Manager tal-Housing taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Roderick Galdes.
Però għal Ministru Galdes, dan ir-rwol huwa ta’ ħaddiem normali. Tweġibiet purament ta’ persuna fi stat ta’ paniku. Għax kif jista’ qatt ikollok ‘senior manager’ koxxa ma koxxa mal-CEO ta’ xi awtorità jew kumpanija privata, u tikklassifikah bħal ħaddiem normali.
Tajba Ministru. Ara tieħdux miegħek il-Ministeru wkoll! Anzi mhux hekk; ma nagħmlux mod li qed tipprepara xi rwol akbar għal Edward Mizzi hux?
Sadanittant, osservaturi politiċi li tkellmu magħna jemmnu li l-parteċipazzjoni ta’ Galdes waqt l-edizzjoni tal-bieraħ kienet mossa reattiva minnu sforz il- pressjoni li qed tgħafas fuqu.
Għax din l-istedina ġiet eżatt hekk kif dan is-sit ħabbar li se jkun qed jikxef l-għawar tal-Ministru Roderick Galdes. Waslet f’mument fejn mijiet ta’ konstitwenti tiegħu stess urew l-għadab tagħhom fil-konfront tal-Ministru Roderick Galdes.
Mhux eskluż li mistoqsijiet li ġie mistoqsi minn Andrew Azzopardi relatati mal-artikli ppubblikati minn dan is-sit kienu ppreparati minn qabel sabiex jingħata palata l-Ministru Galdes.
Prosit Ministru Galdes. Il-pressjoni mwettqa’ fuqek minn dan is-sit waslitek f’punt tiddikjara li trid lil Edward Mizzi miegħek. Konvint li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tagħmel aktar ammissjonijiet simili. Għax bħal ma jgħid il-Malti; Malta żgħira u n-nies magħrufa.
Sadanittant, komplu segwuna għaliex din l-istorja għadha fil-bidu tagħha.