Qed nindirizza pubblikament lill-Partit Laburista hawn fuq din il-blog, għaliex internament kważi impossibbli li jagħtu kasek u jisimgħu dak li għandek tgħid.
Jaħsbu li l-politika tagħhom hija sagrosanta u li tagħhom il-viżjoni t-tajba. Mentri fil-verità neqsin minn dik il-filosofija politika li kelna fil-passat.
Illum se nibda billi nikteb dwar famuża frażi li permezz tagħha qedgħin insaħħu wieħed mill-aktar politiċi avversarji fraġli u dgħajfa. Qed nirreferi għall- Onor. Karol Aquilina.
Mela l-magna tal-Partit Laburista tirreferi għal Karol Aquilina bħala l-kap de Facto tal-Partit Nazzjonalista.
Dan huwa żball kardinali. Għaliex?
Mela l-ewwel nett, meta lil Karol Aquilina qedgħin nindirizzawh bħala l-kap de Facto tal-PN, kull ma qed nagħmlu huwa nsaħħu lill-istess Karol Aquilina. Mentri fil-verità, bħal ħuh Robert, Karol huwa ħuta żgħira.

Karol Aquilina huwa biss ħuta żgħira
Bħal ma diġà ktibt ftit jiem ilu, Karol Aquilina huwa ħuta żgħira. Jekk il-Partit Laburista se jibqa’ jindirizza lil Karol Aquilina b’dan il-mod, allura qed jattakka l-ħuta ż-żgħira u fl-istess waqt jinsa r-ras tal-qarnita tal-Partit BFA.
Fl-artiklu li jmiss inkompli nispjega dak li l-magna tal-Labour għadha lanqas xammet; li l-Partit Nazzjonalista inbidel fil-Partit BFA.