L-arroganza li qed tirrenja fil-qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli

Neville Gafa

~ 2 days ago

L-arroganza li qed tirrenja fil-qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli

Kienu ħafna dawk li matul dawn il-jumejn għamlu kuntatt magħna dwar l-intervista tal-Ħadd li għadda mas-CEO tal-Awtorità tad-Djar.

 

Kieku ħafna dawk li weġġħu b’ċertu dikjarazzjonijiet li ġew ippubblikati fl-imsemmi artiklu.

 

Kienu ħafna li talbuni nikkundanna dak li qal is-CEO li huma bosta koppji li qed jagħżlu li jkunu sidien ta’ żewġ propjetajiet differenti u mhux jinvestu fi proprjetà waħda bejn iż-żewġ partijiet.

 

 

Dikjarazzjoni mill-aktar insensittiva fil-konfront ta’ mijiet ta’ familji li qed jgħixu f’ sitwazzjoni miżerabbli. Familji li saħansitra lanqas għandhom toilet f’darhom. Nies jgħixu f’garaxx.

 

Jien dwar dak li hu għaddej fl-Awtorità tad-Djar ktibt mhux ħażin. Kont l-uniku wieħed li ma ddejjaqtx nikkritika pubblikament kemm lis-CEO tal-Awtorità tad-Djar kif ukoll il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.

 

 

Ir-reazzjoni tal-Gvern kienet reattiva jaraw kif se joħorġu għonqhom għall-Ministru Roderick Galdes. Tqabbdu grupp ta’ nies li redgħu mhux ħażin taħt Roderick Galdes sabiex jattakkawni kontinwament f’kull artiklu li ppubblikajt. Bħallikieku lili dawn qatt jistgħu jwaqqfuni milli nesponi liż-żiemel tagħhom.

 

Fuq livell ta’ Grupp Parlamentari, id-Deputati Laburisti ingħataw direzzjoni ta’ kif għandhom iwieġbu lill-ġurnalisti ta’ Net News. Qed nippubblika kelma b’kelma il- ‘Line To Take’ mgħotija lid-Deputati Laburisti. Line To Take tfisser kif il-Membri Parlamentari għandhom iwieġbu dwar mistoqsijiet partikolari.

 

LTT – Net News barra l Parlament

 

Wieħed jaċċetta kritika dejjem iżda l-attakki personali ma jagħmlu ġid lil ħadd.

Fuq il-Ministru Galdes, jien li nista’ nsemmi huwa x-xogħol tajjeb li qed isir fil-qasam tal-housing, fosthom il-housing affordabbli, twessiegħ ta’ skemi, equity sharing, installazjoni ta’ lifts. Nista’ nsemmi biss l-għotja ta’ 10,000 ewro liż-żgħażagħ li jsiru sidien ta’ darhom fejn qed naraw li fix-xhur li ġejjin aktar u aktar nies se jibbenefikaw minn dik l-għajnuna.”

 

Nirringrazzja lil dawk id-Deputati tal-Gvern li bgħatuli dan l-LTT. Għamlu dan għax ġenwinament ma jifilħux jaraw aktar it-taħwid li hu għaddej fil-qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali.

 

Filwaqt li kien hemm Deputati li għażlu jwieġbu b’tali mod li ma jweġġgħux lili, kien hemm individwi li tali LTT użawha bħala opportunità biex isawtuni. Però dwar dawn nitkellmu iżjed ‘il quddiem meta tasal tagħhom.

 

Immur lura għall-intervista ta’ Matthew Zerafa, ħafna qaluli biex nikkritah għall- insensittivita’ li wera’. Però se nkun ċar; dak li qal Matthew Zerafa jirrifletti l-ħsibijiet tal-Ministru tiegħu. Inutli nwaħħlu fil-ħuta ż-żgħira meta l-ħuta l-kbira tmexxi l-ħut Iż-żgħar.

 

Sadanittant, fil-jiem li ġejjin se nkunu qed nesponu aktar dwar dak li hu għaddej fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *