ONOR. CLAYTON BARTOLO : IL-PROGRAMM MALTI TAĊ-ĊITTADINANZA B’INVESTIMENT

Neville Gafa

~ 3 weeks ago

ONOR. CLAYTON BARTOLO : IL-PROGRAMM MALTI TAĊ-ĊITTADINANZA B’INVESTIMENT

Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment ta’ pajjiżna kien hemm min għorok idejh u prova jiskorja ftit punti politiċi, mingħajr ma qies l-istampa kollha.

 

Programm li minnu irnexxielna niġġeneraw aktar minn €1.4 biljun bħala dħul dirett għal pajjiżna li marru fil-Fond Soċjali tal-Iżvilupp Nazzjonali u l-Fond Konsolidat. Fondi li ġew investiti fi proġetti ta’ housing soċjali, saħħa, edukazzjoni, ambjent u sport, u salvajna l-impjiegi tal-familji Maltin u Għawdxin waqt il-pandemija. Dawn l-investimenti wasslu wkoll għal aktar minn €10 miljun f’donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet voluntarji Maltin u Għawdxin li jaħdmu kuljum biex isaħħu l-komunitajiet tagħna.

 

Id-deċiżjoni tal-lum fil-kuntest internazzjonali tistona sew. Dan wara li qegħdin nosservaw, per eżempju, l-Istati Uniti tal-Amerika fejn ġie mniedi programm ġdid biex jattiraw l-istess tip ta’ investituri li kien jattira l-programm taċ-ċittadinanza ta’ Malta. Pajjiżi barranin qed jaraw il-valur strateġiku li jġibu magħhom persuni ta’ profil għoli – nies li mhux biss għandhom riżorsi finanzjarji, imma wkoll ideat, networks u kapaċitajiet li jsaħħu l-ekonomiji lokali.

 

 

Jekk l-Unjoni Ewropea tagħżel li tagħlaq il-bibien għal dawn l-individwi, oħrajn se jiftħuhulhom. U l-aktar li se jsofru huma pajjiżi ż-żgħar bħalna, li rnexxielna noħolqu programm robust, trasparenti u b’benefiċċji diretti għal kull ċittadin.

 

Għalhekk irridu nħarsu lil hinn mill-politika partiġġjana u naraw l-impatt globali:

• L-Istati Uniti mhux qed jaraw dawn l-individwi bħala theddida, iżda bħala opportunità għall-iżvilupp.

• L-UE, min-naħa tagħha, qed toqgħod lura minn dan it-tip ta’ investiment, u hekk tista’ titlef f’kompetizzjoni globali li diġà bdiet.

 

Il-programm Malti, meta mmexxi b’serjetà u skont ir-regoli tal-UE, għandu jkun mudell ta’ kif pajjiż jista’ jaċċetta investiment barrani bla ma jitlef l-integrità tiegħu. Dan hu eżempju ta’ kif inżommu s-sovranità tagħna f’qafas Ewropew.

 

Għaldaqstant, il-messaġġ tiegħi hu wieħed ta’ għaqda u viżjoni: ejja ma narmux programm li ġab ġid dirett lill-poplu tagħna. Ejja naġġornawh fejn hemm bżonn, imma nkomplu nieħdu l-aħjar minnu, għax jekk ma nagħmlux hekk, inkunu qed nagħtu vantaġġ lil pajjiżi oħra – u lil ħaddieħor mhux lil niesna.

 

Ejja nqiegħdu l-interess nazzjonali qabel kollox. Għax l-għaqda tagħna llum tfisser prosperità għal Malta ta’ għada.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *