IL-MAM U MARTIN BALZAN (2)

Neville Gafa

~ 15 hours ago

IL-MAM U MARTIN BALZAN (2)

Din il-ġimgħa ippubblikajt artiklu dwar Martin Balzan, l-ex President tal-MAM, u tlabt lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-MAM biex tikkonsidra li tneħħi lil Martin Balzan minn President Onorarju tal-union. Dan għamiltu fid-dawl li se jkunu qed joħorġu allegazzjonijiet serji ħafna fil-konfront tiegħu. Però dwar tali allegazzjonijiet ta’ abbuż potenzjali se nkun qed nagħmel għadd ta’ mistoqsijiet diretti f’artiklu ieħor.

 

Illum se nillimita ruħi biss għal mistoqsija waħda sempliċi.

 

Tista’ Dr Balzan, jekk jogħġbok, tgħidilna bl-eżatt meta inħtart bħala Deputy Clinical Chairperson fid-Dipartiment tal-Mediċina tal-isptar Mater Dei, kif inħtart, għal kemm tul ta’ żmien kienet tali ħatra, u meta spiċċat minn din il-pożizzjoni?

 

Id-dettalji li qed nitolbok huma bażiċi ħafna, ħafna, sempliċi data…metodu…perjodu ta’ skadenza…u data.

 

Sadanittant, tajjeb li l-membri kollha tal-MAM ikunu jafu li fuq it-tmexxija ta’ dak li ġie onorat bil-ħatra ta’ President Onorarju tal-union tagħhom intefgħu dubji kbar mill-Kummissjoni Elettorali tal-istess union.

 

Din il-Kummissjoni irrappurtat li l-union, taħt it-tmexxija ta’ Balzan, ma żammitx database aġġornata tal-membri tagħha. Il-Kummissjoni qalet ukoll li tul iż-żmien kollu tat-tmexxija ta’ Balzan, il-union ma nvestietx f’sistema li permezz tagħha il-membri jiġu mgħarrfa li s-sħubija tagħhom waslet biex tiġġedded. Dan kollu l-Kummissjoni ma kienitx tħoss il-bżonn li għandha tiġbed l-attenzjoni dwaru jekk mhux għax inqalgħu argumenti kbar dwar min hu membru u min mhux, u dwar min kien eliġibbli li jivvota u min le.

 

Martin Balzan, li dejjem ipproġetta ruħu ta’ xi duttur tal-governanza tajba u t-trasparenza, joħroġ ċar li baqa’ qatt ma implimenta prinċipji bażiċi ta’ governanza tajba u strutturi trasparenti fil-union tiegħu. Jekk xejn, għal sentejn sħaħ naqas li jsejjaħ Laqgha Ġenerali Annwali, u meta wara sentejn għamel dan, ħarġu dubji serji kemm il-lista ta’ eletturi pprovduta mill-union kienet korretta.

 

Ghal lum nieqaf hawn u nistenna tweġiba minn Dr Balzan.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *