Pajjiżna ser ikun qed igawdi minn aktar professjonisti fil-qasam soċjali, dan hekk kif 47 student ngħataw il-warrant sabiex jipprattikaw il-professjoni tal-psikoterapija filwaqt li 11-il professjonist ieħor issa ser ikunu qed jaħdmu bħala supervisors.
Dan ir-rikonoxximent ngħata waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni, fejn rat lil dawn l-istudenti u professjonisti jingħataw warrant li mhuwiex biss dokument, iżda simbolu ta’ fiduċja pubblika u responsabbiltà. Dan kollu eventwalment jimmaterjalizza f’fiduċja bejn it-terapista u l-klijenti li jkollha quddiemha.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li din il-professjoni flimkien ma’ oħrajn soċjali għandha sservi bħala pont ta’ appoġġ, kuraġġ u tama quddiem realtajiet soċjali mimlija sfidi mentali, emozzjonali u spiritwali.
“Intom issa parti minn vokazzjoni li tmur lil hinn mill-kliem – vokazzjoni li titlob empatija awtentika, dixxiplina interna, u umiltà profonda. L-irwol tagħkom jitlob integrità assoluta. Il-warrant irid jinġarr b’dinjità, mhux biss legali, imma anke mil-lat morali u etiku,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Bord tal-Psikoterapija, Charles Cassar faħħar lill-Gvern Malti għaliex kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li rrikonoxxa din il-professjoni lura fl-2018, sabiex eventwalment tul is-snin, għaxar pajjiżi oħra mxew wara l-passi ta’ Malta.
“Bħala Chair tal-Bord tal-Warrant, il-prijorità tiegħi kienet li niżgura li kull deċiżjoni tittieħed b’integrità, proċess ġust u ġudizzju bilanċjat. Aċċettajna r-responsabbiltà tagħna b’sens ta’ serjetà u dixxiplina, konxji li kull pass tagħna għandu impatt fuq individwi u fuq l-istituzzjoni li aħna nservu,” temm jgħid Charles Cassar.