Qegħdin ngħixu f’era fejn is-suq tal-proprjetà kiseb iżjed importanza minn qatt qabel. Hu stat ta’ fatt li l-ikbar investiment illi qatt tista’ tagħmel persuna huwa fil-ġebla. Xidarba jew oħra, ilkoll kemm intom sfajtu avviċinati minn xi aġent tal-proprjetà, inkella minn sensar jew forsi persuna li ġenwinament esprimiet interess f’xi proprjetà illi kellkom jew li għandkom.

Lino Spiteri
Ekonomista mill-iżjed bravi li għal bosta snin il-Partit Laburista kellu l-privileġġ illi jkollu bħala wieħed mill-esponenti tiegħu, huwa l-mibki Lino Spiteri. Meta kont għadni fiż-Żgħażagħ Laburisti, niftakru jagħtini l-parir illi jekk persuna ma tkunx finanzjarjament dahra mal-ħajt, qatt m’għandha tbigħ proprjetà, iżda jekk xejn għandha ddurha u tikriha. Iż-żmien tani parir dwar ir-raġun li kellu għax matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-suq tal-kiri tal-proprjetà f’pajjiżna ffjorixxa bil-kbir. Min jaf kemm kien hemm min biegħ il-proprjetà bis-soldi u llum jixtieq jigdem minkbejh iżda ma jistax.
Esperjenzi vessatorji
Minkejja n-narrattiva li mhux jinbnew għajr gabubi, fil-verità hawn bosta proprjetajiet tajbin li jiġbdu l-għajn. L-għaxar kmandament jgħidilna hekk: “La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn”. Min jaf kemm-il darba nitkellem ma’ persuni li sfaw ivvessatiminn aġenti tal-proprjetà u minn sensara li għandhom xi klijent interessat fil-proprjetajiet tagħhom. Dan ġara kemm fir-rigward ta’ djar abitati kif ukoll ta’ dawk vojta.Sfortunatament, ċerti aġenti u sensara qajla jinteressahom mid-dritt tal-privatezza tal-individwu u mil-liġi tal-GDPR, iżda l-ogħla prijorità tagħhom hija l-kommixin li se jitħallsu.Immaġinaw daqsxejn, jiġi xi ħadd fuqek jipprova jdaħħallek fellus f’rasek illi l-proprjetà tiegħek saret kbira wisq għalik, sabiex forsi tbigħhielu ħalli minflokha jtella’ xi blokka appartamenti. L-istess japplika fir-rigward ta’ proprjetajiet vojta. Il-fatt li fond partikolari mhuwiex preżentement abitat, bl-ebda mod ma jfisser li dan hu għall-bejgħ, ladarba sidu ma waħħal l-ebda tabella mal-faċċata fejn permezz tagħha jesprimi x-xewqa li jpoġġu l-post fuq is-suq. Ċerti tattiċi jixirfu fuq il-fittaġni żejda. Kien hemm min qalli li aġenti tal-proprjetà żiduh fuq il-midja soċjali, anke jekk huwa ampjament ċar li l-missjoni tal-Facebook hija li tagħti s-setgħa illi tinbena komunità u ġġib in-nies eqreb ta’ xulxin, u mhux biex dawn l-aġenti joqogħdu jistaqsu jekk ħwejġek humiex għall-bejgħ.
Iżjed esperjenzi koroh
Waqt iż-żjarat tiegħi fid-djar, kont qed nitkellem ma’ koppja miżżewġin friski li rrakkontawli kif qabel ma daħlu joqogħdu fid-dar matrimonjali tagħhom, din kienet għamlet żmien vojta. Mid-dehra kien hemm min kien interessat sew f’din il-proprjetà, tant li meta kienu qegħdin jirranġaw il-post, kważi kull daħla u ħarġa bdew isibu lil xi ħadd ma’ wiċċhom biex jistaqsihom jekk xtaqux ibigħu l-fond tagħhom. Kien hemm min ma jafx jieħu le sal-punt li anke għamlilhom il-vendikazzjonijiet permezz ta’ rapporti vessatorji mal-awtoritajiet bil-għan li jintimidahom, għax mid-dehra ċerti aġenti u sensara għandhom il-ħbieb kullimkien. L-aġir vessatorju kompla anke wara li daħlu jgħixu f’dan il-fond; fil-fatt mhux l-ewwel darba li daqqewlhom il-qanpiena biex jgħidulhom li għandhom min huwa interessat f’darhom, anke jekk dawn kienu għadhom ferħanin biha. Iddejqu sal-ponta ta’ mneħirhom u kienu dejjem, infatti kienu dejjem jitfu l-intercom. Biss, hawn min ma jaqta’ qalbu minn xejn, tant li aġent partikolari kien addirittura qabeż iċ-ċint tal-parapett u daħal iħabbtilhom mat-tieqa tal-kċina, bil-konsegwenza li taqatgħa kbira lil martu li kienet qed tistenna tarbija. Faċli wieħed jirraġuna li l-aġent ma kienx jaf illi martu kienet tqila, iżda l-argument bażilari jibqa’ li dan ma kienx messu qabeż iċ-ċint u daħal fil-parametri ta’ ħwejjeġ ħaddieħor!
Il-GDPR u d-dritt għall-privatezza
Qegħdin ngħixu f’Unjoni Ewropea li jew tissikka ċ-ċinturin sal-punt ta’ soffokazzjoni, jew inkella li tħalliha ħelwa għal melħa. F’xi mument jew ieħor, ilkoll smajna bil-famuż Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (‘GDPR’). Fost affarijiet oħra, dan jirrikjedi li meta tingħata informazzjoni lil individwi li mingħandhom ma tkunx inkisbet direttament data personali, irid jiġi inkluż is-sors tad-data personali u jekk din ġietx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku. Però, umilment nissottometti l-ħsieb – x’jiġifieri ladarba t-tagħrif ikun inkiseb minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku, persuna tista’ taqbad u tużah għal skopijiet kompletament diversi minn dik li għaliha tali data kienet ippubblikata fl-ewwel lok! Immaġinaw persuna politikament esposta li jkollha l-indirizz tal-imejl jew in-numru tal-mobajl fuq is-sit tal-internet jew fuq il-paġna tal-midja soċjali tagħha. Il-prudenza tgħallem li dawk id-dettalji ta’ kuntatt jintużawgħal skopijiet strettament irrelatati mal-ħidma politika tagħha, u għall-ebda raġuni oħra. B’liema jedd ikun hemm aġent tal-proprjetà, inkella xi sensar illi jkun interessat fid-dar jew fl-uffiċċju tagħha, u jaqbad u jċemplilha ħalli joqgħod jissikkaha biex forsi tbigħhomlu għal xi klijent li jkun interessat fihom?Jisgħob bija ngħid illi r-Regolament fih lakuna kbira fir-rigward tad-data aċċessibbli minn sorsi pubbliċi, u dan il-fatt qed iwassal għal aġir vessatorju. L-unika eċċezzjoni li hemm hija fir-rigward ta’ uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Biss, sa fejn naf jien, il-ħidma tal-aġenti tal-proprjetà u tas-sensara bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala attività ta’ persuni li qegħdin jaġixxu f’kapaċità uffiċjali f’isem xi awtorità pubblika jew bħala parti minn korpi jewistituzzjonijiet uffiċjali.
Azzjoni mill-gvern
Napprezza l-fatt li x-xemx titla’ għal kulħadd u li kulħadd irid jaqla’ l-għajxien tiegħu. Madankollu, nemmen illi l-etika għandha tipprevali f’kollox. Jekk il-gvern jaħseb illi jekk jibbaża fuq ir-rieda tajba tal-aġenti u s-sensara ħalli jaġixxu fil-parametri tal-etika, se jispiċċa jibqa’ jistenna sakemm jitherra. Hu proprju għalhekk li hemm bżonn intervent leġislattiv biex jiżgura li ebda proprjetarju ma jisfa’ ffittat minn xi ħadd meta m’għandux l-intenzjoni li jbiegħ il-proprjetà tiegħu. Wara kollox, bl-istess mod li professjonijiet u xogħlijiet varji huma rregolati minn kodiċi ta’ etika, l-aġenti tal-proprjetà u s-sensara ukoll għandhom ikunu rregolati minn lista speċifika ta’ inhu u x’mhuwiex aċċettabbli waqt ħidmiethom. Fil-lista ta’ dak li jistgħu jagħmlu, ċertament li għandhom jingħataw kull dritt illi jirriklamaw is-servizzi tagħhom. Però, ejjew nirrispettaw l-intelliġenza tan-nies – min irid ifittex is-servizzi tal-aġenti tal-proprjetà jew tas-sensara, jaf x’għandu jagħmel fl-ewwel lok. Għaldaqstant, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu illi n-nies għandhom dritt sagrosant li jgħixu mingħajr ma jiġu vvessati minn min lanqas biss jafuh minn Adam!
Għalhekk, fil-lista ta’ dak illi ma jistgħux jagħmlu, għandu jkun hemm speċifikament inkluż il-fatt li jekk persuna ma tavviċinahomx biex tbigħ il-fond tagħha, għandhom iħalluha bi kwietha, mhux joqogħdu jindagawfuqha kif ukoll fuq il-membri tal-familja tagħha, u jduruhom wieħed wieħed sakemm dawn forsi jċedu u jbigħu l-proprjetà tagħhom li xi klijent illi jkun tefa’ għajnejh fuqha.