Jitnieda proġett ambjentali ta’ €37 miljun minflok l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala

Neville Gafa

~ 12 hours ago

Jitnieda proġett ambjentali ta’ €37 miljun minflok l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala

Il-Ministeru għall-Ambjent permezz ta’ WasteServ nieda uffiċjalment l-ewwel fażi ta’ proġett kbir b’investiment ta’ €37 miljun li se jara 23,800 metru kwadru ta’ art trasformati fi proġett ta’ spazju aħdar biex jitgawda mill-pubbliku.

 

“Dan il-proġett jirrifletti b’mod ċar il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiż aktar sostenibbli. Kif diġà għamilna f’diversi lokalitajiet, qed noħolqu spazji ħodor miftuħa li permezz tagħhom ikollna ambjent aħjar u, aktar importanti minn hekk, nipprovdu spazji li l-pubbliku jista’ jgawdi. Din id-darba, se nkunu qed nittrasformaw faċilità tal-iskart f’park biex b’hekk inwettqu wegħda oħra ewlenija tal-programm elettorali,” sostniet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.

 

 

Din l-inizjattiva qed issir fuq is-sit fejn bħalissa hemm il-faċilità tal-iskart ta’ Sant’Antnin, fejn il-maġġoranza tal-operat twaqqaf f’Diċembru 2022. WasteServ issa żarmat l-apparat u ħejjiet is-sit għal dan l-proġett ġdid.

 

L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €4 miljuni, se tkun qed tinkludi l-bini ta’ parkeġġ ta’ tliet sulari mgħammar b’faċilitajiet ta’ park and ride, kif ukoll il-bini ta’ tliet ġibjuni tal-ilma għall-irrigazzjoni u biex iservi bħala ħażna tal-ilma tax-xita. Il-proġett jinvolvi wkoll it-tħaffir ta’ għadira artifiċjali ta’ 4,200 metru kwadru, iddisinjata biex ittejjeb il-bijodiversità u toħloq ambjent trankwill għall-viżitaturi. Din il-fażi hija mistennija li titlesta għall-bidu tas-sena d-dieħla.

 

 

Dan il-park se jkun imdawwar b’ħajt mal-konfini tiegħu li se jgħin sabiex jinħoloq pajsaġġ naturali, komplut b’siġar maturi u arbuxelli indiġeni. F’konformità mal-prinċipji ta’ sostenibbiltà ta’ WasteServ, 33% tal-materjal li se jiġi mħaffer se jerġa’ jintuża  fil-post.

 

Is-sejħa għall-offerti għat-tieni fażi tal-proġett, li jinvolvi investiment addizzjonali ta’ €33 miljun, huwa mistenni li jinħareġ fix-xhur li ġejjin. Din il-fażi se tinkludi xogħlijiet ta’ landscaping, tħawwil ta’ siġar maturi, ix-xogħlijiet fuq għadira artifiċjali, u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma.

 

 

Fl-entratura tiegħu l-park se joffri spazju b’canopy li tista’ tintuża għal wirjiet, avvenimenti tal-komunità, u attivitajiet edukattivi. Se jkun hemm ukoll ċentru ta’ tagħlim li se jipprovdi programmi interattivi għall-etajiet kollha, li jenfasizzaw temi ta’ sostenibbiltà ambjentali. Minn kmamar awdjoviżivi għal żoni għal-logħob, l-ispazju huwa mfassal biex jispira l-kurżità u t-tagħlim. Il-park se jinkludi wkoll serra mgħammra b’sistema akkwaponika kif ukoll varjetà wiesgħa ta’ pjanti, li se joffru esperjenza edukattiva lill-viżitaturi. Huwa ppjanat ukoll food court bħala parti mill-faċilitajiet għall-viżitaturi.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca qal li minbarra dan l-investiment li qed jitħabbar illum, qed jiġu investiti wkoll €500 miljun fil-Magħtab biex ir-residenti tal-inħawi ma jibqgħux ibatu l-effetti koroh li ilhom jiffaċċjaw għal snin sħaħ minħabba l-iskart li kien jintrema fil-miżbliet ta’ hemm.

 

Il-Gvern se jibqa’ jwassal aktar proġetti ambjentali li jagħmlu ġid lill-komunità u jkompli bi proġetti ambizzjużi ta’ tħaddir fil-gżejjer Maltin.​

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *