Kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa għall-ħaddiema ta’ Residenza Malta

Neville Gafa

~ 12 hours ago

Kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa għall-ħaddiema ta’ Residenza Malta

Il-ħaddiema ta’ Residenza Malta ser igawdu minn kundizzjonijiet aqwa hekk kif ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid.

 

Dan it-tieni ftehim kollettiv għall-ħaddiema, mindu nħolqot l-aġenzija, jaħseb għal żidiet sostanzjali fis-salarji tagħhom. Fost l-oħrajn, għall-ewwel darba, jippremja l-bżulija ta’ ħaddiema fi gradi mhux maniġerjali b’allowances ġodda.

 

Byron Camilleri

 

Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-Gvern jemmen li ħaddiem kuntent, itik servizz aħjar. Huwa għalhekk li dan il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fil-ħaddiema, b’kundizzjonijiet u drittijiet aħjar, mhux għax biss jemmen fil-ħaddiema tiegħu iżda wkoll għaliex finalment dan jissarraf mill-persuni li jirċievu s-servizz. Tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet, jagħti aktar drittijiet u jinvesti fil-ħaddiema.


Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Residenza Malta Jonathan Cardona qal li l-qofol tal-operat tal-aġenzija hu t-tim dedikat ta’ impjegati, li hija impenjata li tibqa’ ttejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom u tinvesti fit-taħriġ, filwaqt li żżomm f’moħħha l-oġġettivi u l-miri tal-aġenzija. Spjega li għalhekk permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, jintlaħaq bilanċ bejn it-talbiet tal-impjegati, l-eżiġenzi tal-aġenzija u ċ-ċirkostanzi tal-ġurnata.

 

 Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim.

 

Sostna li l-GWU rat li l-ewwel ftehim kollettiv wassal għal titjib fl-operat u għall-ħaddiema, għalhekk qal li l-benefiċċji f’dan it-tieni ftehim il-GWU rat li jkomplu jissaħħu.

 

“Rajna wkoll li jkun hemm aktar flessibilità u remote working għall-ħaddiema. Dan dejjem fl-isfond li l-operat jiġi l-ewwel sabiex il-produttività ta’ din l-Aġenzija ma tiqafx anzi nkomplu nsaħħuha,” ikkonkluda s-Segretarju tat-taqsima tal-GWU Bondin.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *