Il-Farsa Delia – Borg

Neville Gafa

~ 1 day ago

Il-Farsa Delia – Borg

Minn Imsieħeb tal-Partit Laburista mill-Imġarr ta’ Malta

 

Kull min għandu ċerta’ eta’ jiftakar li fil-lokalitajiet tagħna f’Malta u Għawdex kien ikun hemm numru ta’ swali bil-palk u fihom kienu jsiru numru ta’ rappreżentazzjonijiet ta’ fares diversi. Qabel kull farsa ġeneralment kien ikun hemm l-anti farsa, xi ħadd joqgħod jgħid iċ-ċajt u wara tibda’ il-farsa.

 

Hekk preċiż il-Partit Nazzjonalista, l-istess analoġija. L-ewwel għal ħames snin sħaħ kellu lil Bernard Grech jgħid iċ-ċajt, iċ-ċuċati u l-ħmerijiet li ma jispiċċaw qatt. Wara meta nduna li r-ripertorju li kellu ta’ ċajt u bużżulotti spiċċa, qalilhom jien ser nitlaq u tefa’ ix-xugaman. Reġa’ iddeċieda kif kien ħabbar dan il-portal f’April li għadda li jerġa’ jibda’ jaqla’ l-għixien tiegħu mill-kitba tal-inviti tat-tiġien, magħmudijiet, preċetti, griżmi u ordinazzjonijiet saċerdotali minkejja li dawn tal-aħħar issa ftit skarsi!!!! Dan il-portal kien ċar ħafna fl-imsemmi artikolett li Grech ma kienx ser idum biex iħabbar ir-riżenja u hekk ġara fil-fatt.

 

Mela preċiż bħal tas-swali din. Spiċċa hu u bdiet il-farsa. Jisimha Delia – Borg. Għandek wieħed kien Kap tal-Partit u tneħħa, l-ieħor għadu ħiereġ minn żaqq ommu u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista spettaturi taħt il-palk tal-farsa. Farsa li mhux ser tispiċċa qatt. Kollox jindika imma li l-magna tal-Partit trid lil Delia minħabba l-eta’ li għandu, l-esperjenża fil-qasam tal-kummerċ bħala avukat peress li kapaċi jibni pontijiet man-negozjanti, għamel issa ftit snin mhux ħażin deputat fil-Parlament, il-Partit jaf kif jaħdem ukoll u l-kelma ta’ ilsienu tiġbed lin-nies.

 

Mill-banda l-oħra fuq in-naħa l-oħra tal-palk fil-Farsa hemm Borg, bla esperjenża ta’ xejn, b’rasu kbira iżjed minn ġismu, akkademikament limitat ħafna iżjed minn Delia, ristrett fin-numru ta’ tesserati li jaf ġol-PN u li beda’ uffiċċjalment il-kampanja għall-Mexxej fuq sieq ħażina ħafna. Fi Triq Blackley ġo tal-Pieta’ fejn il-Partit Nazzjonalista għandu l-Każin tiegħu, Borg iddeċida li jvara l-kampanja. Ma kellux iżjed minn 100 persuna, 70 minnhom votanti tiegħu minn Għawdex u organizzalhom lejla Malta biex ikunu preżenti għal dan il-varar. Attendenża fjakka ħafna u bidu fuq sieq ħażina mmens.

 

U l-Farsa tkompli. U hemm min jistaqsi minn fostna l-Imsieħba fil-Partit Laburista, x’jinteressana x’qed jiġri n-naħa l-oħra?

 

Jinteressana ħafna peress li ġol-Moviment tal-Ħaddiema hemm min qed jaħseb li għaliex il-PN ser ikollu Kap ġdid fix-xhur li ġejjin, aħna għandna nsejħu elezzjoni ġenerali qabel iż-żmien. Dan mhux sew għalina l-Laburisti ta’ vera. Aħna tajna mandat lill-Partit biex imexxi għal ħames snin. Barra minhekk, m’hawn xejn li qed jiddistabilizza l-Gvern Laburista la fil-Parlament u lanqas barra mill-Parlament u mossa ta’ elezzjoni bikrija taf taħdem kontra l-Partit Laburista fl-appoġġ li jikseb u mhux favur tiegħu. Bla dubju lanqas hawn xi kriżi ekonomika Malta jew fl-Unjoni Erwopea li timmerita tali sejħa t’elezzjoni bikrija u lanqas m’hawn xi kriżi finanzjarja.

 

Il-Laburist li qabel kien hawn min jiddiskrevieh bħala njorant m’hu njorant xejn u kapaċi jaħseb b’moħħu izjed milli jaħsbu xi wħud fi ħdan il-Partit tagħna stess.

 

Xogħolna hu biss li nħallu l-Farsa tibqa’ għaddejja. Dmirna hu li nkomplu nwettqu l-manifest li bih irbaħna l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Fl-2027 fi żmienha ssir elezzjoni ġenerali li l-Partit Laburista jekk jibqa’ kompatt u ffukat jerġa’ jirbaħha b’40,000 vot. Hemm imbagħad ikun it-tmiem għall-Farsa. Hemm jissejħu l-inġenji ta’ min kien ħammel l-art fejn hemm id-Dar Ċentrali tal-PN biex jaqlibilhom il-binja u jagħmluha appartamenti biex jinbiegħu u jibdew iħallsu parti mid-dejn li għandhom ta’ Ewro 45miljun.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *