Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-laqgħa saret wara stedina mill-Prim Ministru nnifsu fil-kuntest tal-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem.
Fir-rimarki introduttorji tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela mill-ġdid awgura lil Borg u qal li rridu nħarsu ’l quddiem biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni taħdem verament flimkien favur Malta.
Il-Prim Ministru qal li jeħtieġ inġibu fil-konkret id-diskors dwar l-għaqda nazzjonali għall-ġid tal-poplu fi żmien fejn il-pajjiż għandu l-finanzi fis-sod, ekonomija u suq tax-xogħol b’saħħtu. Qal li huwa tajjeb li bejn iż-żewġ naħat fil-Kamra tar-Rappreżentanti jkun hemm konverġenza nazzjonali fuq dak li hu ta’ ġid għall-pajjiż fosthom proġetti nazzjonali bħar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u r-reklamazzjoni tal-art.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-konverġenza nazzjonali trid tiġi frott fiduċja reċiproka. Qal li n-nuqqas ta’ qbil se jkun hemm dejjem, iżda l-argumenti għandhom isiru b’mod rispettuż u ma ninżlux fil-livell ta’ attakki personali. F’dan il-kuntest, il-Mexxej Laburista semma li fuq punt ta’ prinċipju l-Gvern ma jaqbilx mal-Oppożizzjoni fuq il-bidla li l-finanzjament tal-partiti politiċi jagħmlu l-Istat iżda dan id-dibattitu jsir b’rispett.
Dwar il-konverġenza nazzjonali, il-Prim Ministru qal ukoll li għandna nilħquha fil-ħatra ta’ karigi kostituzzjonali bħall-Prim Imħallef il-ġdid. Il-Prim Ministru spjega li fis-sigħat li ġejjin se jħabbar id-data tal-Budget li huwa eżerċizzju importanti li fih il-Gvern iqassam il-ġid fost il-poplu kollu.
Fuq il-Budget, il-Prim Ministru qal kif dan se jkun mimli inizjattivi biex ikompli jitkattar il-ġid fost il-familji. Propju għalhekk anki minkejja differenza rridu tassew nuru l-ġid favur il-bajda u l-ħamra. Dr Abela żied jgħid ukoll li l-Gvern ta sinjal favur konverġenza nazzjonali billi estenda ż-żmien tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni Malta 2050, biex l-Oppożizzjoni tissottometti l-ideat għal din il-viżjoni għal pajjiż wieħed.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay.
Uffiċċju Komunikazzjoni
Partit Laburista
1 Comment
At least the Bobby kept following his predecessors