Il-kisbiet ta’ pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet u l-empowerment tan-nisa mfaħħra fil-konferenza “RISE 2025” f’Belgrad

Neville Gafa

~ 5 days ago

Il-kisbiet ta’ pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet u l-empowerment tan-nisa mfaħħra fil-konferenza “RISE 2025” f’Belgrad

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, indirizzat il-konferenza internazzjonali tan-nisa “RISE 2025” li saret f’Belgrad fis-Serbja, fejn qasmet l-esperjenza ta’ Malta fil-qasam tal-empowerment politiku u ekonomiku tan-nisa.

 

 

 

 

Waqt l-intervent tagħha fil-konferenza, li għaliha kienet waħda mill-kelliema, il-Ministru Farrugia enfasizzat il-progress sinifikanti li għamel pajjiżna fis-snin riċenti biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u fis-soċjetà. Il-Ministru qasmet kif Malta introduċiet żewġ riformi kruċjali: id-dritt tal-vot għal dawk ta’ 16-il sena, riforma kostituzzjonali li għaddiet b’vot unanimu fil-Parlament u li enfasizzat li kull vuċi għandha l-importanza tagħha, u kwota ta’ 12-il siġġu addizzjonali għall-ġeneru l-anqas rappreżentat, 6 għall-partit fil-Gvern u 6 għall-Oppożizzjoni, li żiedet ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti għal 28%.

 

Il-Ministru Farrugia enfasizzat li dawn ir-riformi qed iġibu bidla vera fil-ħajja tan-nisa Maltin, peress li kemm ikollok aktar nisa fil-politika, awtomatikament iġib miegħu sens ta’ empatija u sensittività lejn dak li verament jaffettwa lin-nisa Maltin fil-prattika. Hija tat eżempji ta’ parlamentari nisa li qed iġibu temi importanti fuq l-aġenda politika, bħal drittijiet ta’ ġenituri ta’ tfal b’diżabilità u d-dritt tal-persuni li kellhom il-kanċer biex ma jkunux kastigati mill-banek jew l-assigurazzjoni għal mard li għelbu snin qabel.

 

 

 

 

“Il-progress li qed nagħmlu bħala pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhuwiex biss statistika fuq karta jew figuri fuq rapport, iżda bidla reali li qed tmiss il-ħajja tan-nisa Maltin u tal-familji tagħhom. Meta nsaħħu r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament u fil-ħajja pubblika, aħna qegħdin insaħħu wkoll il-kwalità tad-demokrazija tagħna. Aktar nisa fil-politika jfissru li fuq l-aġenda tagħna jidħlu suġġetti li kultant kienu jinħbew jew jitħallew fil-ġenb.”

 

“Imma l-ugwaljanza u l-empowerment ma jillimitawx ruħhom għall-Parlament biss. Jinħassu kull fejn mara tingħata l-opportunità li tesprimi l-potenzjal tagħha: fil-post tax-xogħol, fl-edukazzjoni, fl-isport, fil-komunità u fil-ħajja ta’ kuljum. Meta nisa jkollhom vuċi u ċ-ċans li jaspiraw u jilħqu l-għanijiet tagħhom, dan iġib miegħu soċjetà aktar bilanċjata u aktar kreattiva, fejn id-deċiżjonijiet isiru b’aktar empatija, b’aktar għaqal u b’aktar rispett lejn il-ħtiġijiet tan-nies kollha,” sostniet il-Ministru Farrugia.


Il-Ministru fissret ukoll l-importanza li n-nisa jkunu indipendenti finanzjarjament. Dan jimxi id f’id mar-riformi dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Hija semmiet l-introduzzjoni tal-kriminalizzazzjoni tal-femiċidju fl-2023, kif ukoll leġiżlazzjoni li tikriminalizza l-isterilizzazzjoni sfurzata u li tipprojbixxi t-testijiet tal-verġinità, li huma kollha miżuri li jipproteġu speċjalment lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli.

 

 

 

Il-Ministru Farrugia appellat liż-żgħażagħ Maltin biex ma jkollhomx biża’ li jgħidu x’jaħsbu u biex ikomplu jservu bħala katalisti tal-bidla qalb il-ġenerazzjoni żagħżugħa.


Il-Ministru fakkret ukoll fil-miżura introdotta fl-2014, dik taċ-childcare b’xejn, intiża biex tappoġġja lin-nisa li riedu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Sal-lum, din l-inizjattiva għenet lil aktar minn 22,500 mara tidħol fid-dinja tax-xogħol, b’impatt pożittiv fuq l-indipendenza ekonomika tagħhom u fuq l-ekonomija nazzjonali b’mod ġenerali. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif politika soċjali mmirata tista’ toħloq opportunitajiet ġodda u tikkontribwixxi għal soċjetà aktar ġusta u bilanċjata.

 

 

 

 

Fl-istess ħin, il-Ministru wriet tħassib dwar il-perikli tal-hate speech, b’mod partikolari dak li jaffettwa lil persuni b’diżabilità u minoranzi oħra fis-soċjetà. Hija spjegat kif diskors li jħeġġeġ mibegħda, diskriminazzjoni jew vjolenza kontra persuni b’diżabilità u kontra gruppi vulnerabbli jnaqqas l-impenn lejn ugwaljanza u jxekkel il-progress li sar. Hija fakkret ukoll fir-riformi li daħħal il-Gvern f’dan il-qasam, fosthom il-bidla fil-liġi li għamlet ċar li l-umiljazzjoni jew ir-ridikolu pubbliku ta’ persuna minħabba d-diżabilità tagħha issa jitqies bħala reat. Din kienet pass importanti biex is-soċjetà tibgħat messaġġ ċar li l-ebda forma ta’ attakk fuq id-dinjità ta’ persuna oħra ma tista’ tkun aċċettabbli.

 

Il-konferenza RISE 2025 ġabet flimkien ministri u mexxejja differenti minn diversi pajjiżi biex jiddiskutu l-empowerment politiku, ekonomiku u soċjali tan-nisa, fosthom il-Prim Ministru tas-Serbia Duro Macut, il-Ministru Tatjana Macura responsabbli mill-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Ministru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali tat-Turkija Mahinur Özdemir Göktaş, is-Segretarju tal-Istat tal-Greċja Aikaterini Patsogianni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerija Péter Szijjártó, u rappreżentanti mill-Armenja, il-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *