Is-Sibt li għadda dan is-sit sostna li Alex Borg huwa l- aktar Kap dgħajjef fl-Istorja tal-Partit Nazzjonalista.
Lanqas laħqu għaddew jumejn. Stħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday indika li l-Partit Nazzjonalista żied l-appoġġ u naqqas id-distakk fil-konfront tal-Partit Laburista. Dan wara l-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit.
Skont dan l-istħarriġ, id-differenza bejn il-partiti huwa ta’ 8,400 vot.
Iżda minkejja dan, il-Mexxej Laburista Robert Abela jibqa’ l-aktar fdat b’vantaġġ ta’ 13-il punt fuq Alex Borg.

Robert Abela
Fatt ieħor importanti huwa dak li Robert Abela jgawdi l-ikbar fiduċja fost in-non-voters: 27% minnhom għandhom fiduċja f’Abela waqt li 6% biss għandhom fiduċja f’Borg.
Għalkemm il-Partit Laburista dejjem għandu jgħarbel il-messaġġ li jista’ jkun qed jittrażmetti survey bħal dan, minn naħa l-oħra wieħed ma jistax ma jikkumentax dwar l- ambigwità li toħroġ minnu;
Kif jista’ jkun li d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta’ 8,400 vot, meta d-distakk bejn il- mexxejja huwa ta’ 13-il punt?
Ħa ngħiduha kif inhi? Il- poplu Malti dejjem jagħżel dak il-Partit li għandu jiggverna a bażi tal-mexxej. Rajna dan meta kien hemm Duminku Mintoff, Eddie Fenech Adami u Joseph Muscat.
Illum huwa sigriet magħruf li Robert Abela huwa aktar fdat minn Alex Borg fit- tmexxija tal-pajjiż. U dan għal raġunijiet ovvji fosthom Robert Abela ilu Prim Ministru għal dawn l-aħħar ħames snin u l-poplu jista’ jiġġudika it-tmexxija tiegħu għal waħda li ġabet stabbiltà soċjali u ekonomika.
Minn naħa tiegħu, fix-xahar li ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg wera’ kemm hu debboli.
Alex Borg rebaħ lil Adrian Delia b’maġġoranza ta’ 44 vot! Dan jagħmlu bħala l-aktar Kap dgħajjef fl-Istorja tal-Partit Nazzjonalista.
M’għandux saħħa jiġġieled kontra għaqda iżgħar minn każin tal-banda tar-raħal, aħseb u ara kemm hu b’saħħtu biżżejjed biex jikkompeti ma Robert Abela!
Iridu jgħaddu x-xhur sabiex forsi Alex Borg jibda jieħu aktar kontroll intern. Il-fatt li għamel maratona biex għaqqad Shadow Cabinet huwa xiehda ta’ din id-djufija.
Jekk ma ħareġ xejn ġdid, fis-survey tal-Malta Today joħroġ biċ-ċar id- djufija ta’ Alex Borg bħala Kap Nazzjonalista.
U iva, aħna nibqgħu nsostnu li Alex Borg huwa l-aktar Kap dgħajjef fl-Istorja tal- Partit Nazzjonalista.