Aktar minn 300 delegat f’Malta għal konferenza tal-Unjoni għall-Mediterran

Neville Gafa

~ 23 hours ago

Aktar minn 300 delegat f’Malta għal konferenza tal-Unjoni għall-Mediterran

Rikonoxxuta l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol

 

 

 

 

 

Malta llum ospitat konferenza tal-Unjoni għall-Mediterran (UfM) dwar l-Impjiegi u x-Xogħol. Konferenza li attirat lejn pajjiżna 300 delegat u Ministri minn pajjiżi differenti.

 

Il-laqgħa ministerjali ffokat fuq il-futur tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-talent, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa kif ukoll l-importanza tar-riċerka.

 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li r-raġuni li Malta ntgħażlet biex tilqa’ din il-konferenza huwa l-fatt li llum hija ta’ mudell fis-suq tax-xogħol. “Mudell ta’ kif toħloq l-opportunitajiet għal kulħadd, u kif timplimenta politika u appoġġ biex itejjeb il-livell tal-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Illum, għax irnexxejna fl-għan tagħna li noħolqu x-xogħol qed nitkellmu l-ħin kollu u aktar fuq il-kwalità u fuq id-drittijiet. Bi 2.95% Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Għandna wkoll l-inqas rata’ ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.”

 

 

 

 

F’dan l-isfond il-Ministru Byron Camilleri, tenna li l-kisbiet li forsi llum indraw huma l-bażi ta’ kollox. Spjega għalhekk li llum pajjiżna jista’ jitkellem dwar drittijiet u dwar livelli ogħla għaliex in-nies għandhom impjieg u futur f’pajjiżhom u dan għaliex dan il-Gvern kabbar l-ekonomija u dik ħolqot opportunitajiet, u għalhekk Malta għandha l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u ferm iktar mill-medja Ewropea.

 

“It-tieni, għax dak il-ġid li ħolqot l-ekonomija, investejnieh biex kulħadd kien jaqbillu jaħdem. Making work pay. Dan grazzi għal miżuri li llum huma parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna imma ma kinux jeżistu sa ftit snin ilu biss, bħat-tapering tal-benefiċċji, l-in work-benefit u ċ-childcare b’xejn.”

 

Il-konferenza trattat ukoll iż-żgħażagħ, b’Malta implimentat il-garanzija għaż-żgħażagħ li permezz tagħha l-Gvern qiegħed jassigura li ż-żgħażagħ kollha jkunu f’impjieg, xogħol jew taħriġ. Fil-fatt, fl-aħħar programm tal-garanzija għaż-żgħażagħ ħadu sehem ftit anqas minn 7,000 żagħżugħ b’investiment ta’ ftit anqas minn seba’ miljun ewro. Bħalissa fil-garanzija għaż-żgħażagħ li fiha l-Gvern investa 10 miljun ewro għal perjodu ta’ 4 snin (2024–2028) biex mijiet, eventwalment eluf ta’ żgħażagħ, jingħataw l-opportunità li jtejbu l-qagħda tagħhom.

 

Il-Ministru Byron Camilleri tkellem ukoll dwar il-Malta Labour Migration Policy li qiegħda tiddirezzjona l-Gvern bi prinċipji ċari ħafna. “Hija waħda mis-suġġetti li sħab Ewropej u Mediterranji kellmuna dwarha, anke fit-tħejjija għal din il-konferenza importanti. Tkellmu dwar il-mod responsabbli kif il-gvern qed jindirizza din is-sitwazzjoni. Minflok aħna qed ngħidu ċar u tond, irridu l-ħtiġijiet tal-Maltin moqdija, irridu l-kwalità iktar mill-kwantità, irridu d-drittijiet tal-ħaddiema f’Malta u biex nassiguraw dan kollu iktar kontroll f’idejn l-awtoritajiet Maltin.”

 

Il-Ministru kkonkluda b’referenza għat-teknoloġija, li jeħtieġ jiġi inċentivat l-użu tagħha. “Mat-teknoloġija, l-upskilling. Għax fl-aħħar mill-aħħar dik it-teknoloġija jħaddmuha n-nies. Suġġett ieħor li qed nagħtu importanza massima. Il-Labour Migration Policy stess tippremja lil dawk li jinvestu fit-taħriġ. Jobsplus bħalissa għandha 135 programm ta’ taħriġ għaddejjin. Bħalma għandhom entitajiet oħra li wkoll huma importanti ħafna f’dan ix-xogħol li rridu nagħmlu.”

 

 

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li “Malta tibqa’ impenjata biex tgħaqqad ir-riċerka mal-ħajja ta’ kuljum. Billi nibdlu l-għarfien f’innovazzjoni, xogħol u tkabbir sostenibbli, nistgħu nagħtu aktar setgħa liż-żgħażagħ tagħna, insaħħu l-kollaborazzjoni fil-Mediterran, u nibnu futur aktar inklużiv għal kulħadd.”

 

Fil-marġini tal-Konferenza, il-Ministru Byron Camilleri kellu laqgħat bilaterali mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Roxana Mînzatu u mal-Ministri għax-Xogħol tal-Mawritanja Mariem Houmeid u tal-Libanu Mohamad Haidar.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *