Se jiġi estiż il-park għall-familji f’Wied Inċita

Neville Gafa

~ 3 days ago

Se jiġi estiż il-park għall-familji f’Wied Inċita

Il-Ministeru għall-Ambjent, permezz ta’ Ambjent Malta, kiseb il-permessi meħtieġa biex ikompli jirriġenera Wied Inċita f’park għall-familji, li issa se jiġi estiż b’aktar minn 7,000 metru kwadru.

 

Inqas minn sena ilu, partijiet minn Wied Inċita li jammontaw għal 20,000 metru kwadru ġew ritornati lill-pubbliku wara ftehim bejn il-Ministeru tal-Ambjent u l-kumpanija responsabbli għat-tisbiħ tat-toroq arterjali li kien juża l-art. Issa, b’estensjoni ġdida, se jiżdiedu ’l fuq minn 7,000 metru kwadru ta’ art oħra aċċessibbli għall-pubbliku.

 

 

 

 

“Il-widien tagħna huma riżorsi naturali li jistħoqqilhom preservazzjoni u użu sostenibbli. Il-Ministeru ilu impenjat biex jirrestawra din iż-żona għall-benefiċċju tal-pub​bliku. Din it-tieni fażi tal-proġett f’Wied Inċita se toffri lill-familji u ż-żgħażagħ aċċess akbar għal spazji ħodor u se tkompli ttejjeb l-ambjent naturali tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

 

L-estensjoni tal-Park ta’ Wied Inċita se tintroduċi spazju akbar għat-tgawdija tan-natura. L-estensjoni tal-park se tinkludi r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ madwar iż-żona filwaqt li madwar il-perimetru, Ambjent Malta se tinstalla fencing addattat.

 

Se jitħawlu diversi siġar u arbuxxelli, fosthom lavanda, klin, hibiscus, larinġ, lumi, tin, u rummien. Biex tiġi appoġġjata l-bijodiversità lokali, speċi addizzjonali bħall-‘Myrtle’ u l-‘Laurustinus’ se jattiraw u jappoġġjaw varjetà ta’ insetti u għasafar. Is-siġar tal-Ballut u tal-Prinjol se jipprovdu siti għal bejtiet u l-kenn tal-għasafar u r-rettili, filwaqt li s-siġar tal-Ħarrub u s-siġar tal-Virgi se joffru ikel u habitat għal diversi speċi.

 

Se jiġu żviluppati wkoll karatteristiċi bħalma huma struttura tal-ilma, bankijiet għall-pikniks, strutturi tad-dell, u faċilitajiet pubbliċi.

 

 

 

 

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea spjega, “Qed isir kull sforz biex jinżammu l-karatteristiċi naturali taż-żona, filwaqt li tiġi żgurata l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-viżitaturi kollha. Il-proġett jibbilanċja s-sensittività ekoloġika mal-ħolqien ta’ spazju li jilqa’ u li hu aċċessibbli, u b’mod effettiv joffri ‘pulmun aħdar’ lill-komunità.”

 

Wied Inċita jinsab fil-periferiji ta’ Ħ’Attard u jmiss ma’ Ħaż-Żebbuġ.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *