Tibda d-diskussjoni fuq ir-‘Right to Disconnect’ b’mira li titressaq għal konsultazzjoni pubblika

Neville Gafa

~ 4 days ago

Tibda d-diskussjoni fuq ir-‘Right to Disconnect’ b’mira li titressaq għal konsultazzjoni pubblika

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul nieda diskussjoni dwar ir-Right to Disconnect, jew id-dritt li wara l-ħin tax-xogħol, il-ħaddiem jaqta’ mix-xogħol u jqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja. Dan il-kunċett għandu jassigura bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali tal-ħaddiema Maltin.

 

Dr Ellul għamilha ċara li dan huwa biss il-punt tat-tluq, u għalhekk wieħed għandu jassigura li fl-ispirtu tad-djalogu soċjali, Malta issib il-mudell li jagħmel sens għaliha.

 

Din id-diskussjoni se twassal għal konsultazzjoni pubblika sabiex il-Gvern jisma’ direttament lill-ħaddiema, lil min iħaddem, lill-imsieħba soċjali, u aktar importanti minn hekk, lill-familji. Qal li l-għan hu li jinħoloq qafas bilanċjat, adattat għar-realtajiet lokali.

 

Waqt il-konferenza, Dr  Ellul ħabbar ukoll li se jkun qed jagħmel talba lill-MCESD biex dan is-suġġett jiġi diskuss fil-jiem li ġejjin, bħala l-ewwel pass lejn djalogu soċjali strutturat dwar kif din il-miżura tista’ titwettaq b’mod effettiv u sostenibbli għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

 

“L-isfida li għandna quddiemna llum, mhijiex jekk għandniex nirrikonoxxu r-Right to Disconnect – li dalwaqt ser ikollna liġi Ewropea dwaru – iżda b’liema mudell se nkunu qed nagħmlu dan sabiex nilħqu bilanċ li jagħmel sens għal pajjiżna,” saħaq Dr Ellul.

 

 

 

 

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul  temm jgħid li b’dan il-mod, bi djalogu miftuħ, Malta kapaċi terġa’ tkun leader f’dawk li huma deċiżjonijiet dwar id-dinja tax-xogħol. Qal li fix-xhur li ġejjin irid li jara djalogu nazzjonali dwar dan is-suġġett anke f’kuntest aktar wiesa’ ta’ kif il-pajjiż jista’ jkompli jsaħħaħ il-work-life balance u favur aktar family-friendly measures fuq il-post tax-xogħol.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg saħqet li l-konferenza tal-lum serviet bħala opportunità sabiex tiġi diskussa l-importanza tar-Right to Disconnect mal-imsieħba soċjali, diskussjoni li qed issir ukoll fuq livell Ewropew.

 

“F’Malta ilna nitkellmu dwar il-bżonn li jkollna bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, u issa din id-diskussjoni tinsab fuq nett tal-aġenda nazzjonali, imxettla mill-għarfien li kiber b’mod sinifikanti dwar l-importanza ta’ dan il-bilanċ. Bħala pajjiż modern u Ewropew, nemmen li Malta għandha ssegwi u timxi fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dan id-dritt, kif ukoll fuq diversi direttivi u liġijiet Ewropej li, għalkemm ma jinkludux referenza diretta għar-Right to Disconnect, huma kollha intiżi biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, kif ukoll id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. Vince October 25, 2025

    The Right to Disconnect jemmen ħafna fiha l-PL għaliex disconnected waħda papali mill-grassroots u votanti tradizzjonali tiegħu, tant li bosta jippreferu li ma jivvotawx. Din toħroġ f’kull survey u donnu li ħadd mhu jagħti każ. Nies li qed iħossu li ħadd ma mhu jagħti każ il-karba tagħhom. Karba, mhux għal xi ħaġa llegali jew li ma għandux dritt għaliha imma sabiex jinstema’ aħjar u jingħata ftit attenzjoni fil-ħtiġijiet tiegħu. It-telqa f’ċerti ministeri hija evidenti. Tant hi gravi din is-sitwazzjoni li nemmen li ma bosta minnhom issa hu tard ħafna u li qatt mhu ser jerġgħu jiġu lura. X’uħud mill-ministi jew deputati jerġgħu taparsi jsiru jafuk fil-kampanja elettorali!!!

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *