Is-suċċess ta’ TechXpo 2025 juri l-pass ’il quddiem ta’ Malta fil-bini ta’ ekonomija innovattiva u karrieri ta’ kwalità

Neville Gafa

~ 5 hours ago

Is-suċċess ta’ TechXpo 2025 juri l-pass ’il quddiem ta’ Malta fil-bini ta’ ekonomija innovattiva u karrieri ta’ kwalità

It-tielet edizzjoni ta’ TechXpo 2025 li saret matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet ta’ suċċess. Imtella’ fuq tlett ijiem, dan l-avveniment serva bħala pjattaforma essenzjali għall-kumpaniji Maltin li joperaw f’setturi innovattivi bħall-Intelliġenza Artifiċjali (AI), it-Teknoloġija Immersiva, il-Fintech u t-Teknoloġija Industrijali biex jippromwovu l-prodotti u s-servizzi tagħhom. B’parteċipazzjoni rekord ta’ madwar 95 kumpanija lokali, TechXpo 2025 uriet id-diversifikazzjoni u l-potenzjal tal-ekosistema teknoloġika tagħna.

 

 

 

 

Matul l-avveniment, b’appoġġ ukoll tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), saret konferenza ta’ tlett ijiem dwar temi relatati mal-AI b’aktar minn 65 espert mis-setturi pubbliku u privat. Fl-istess ħin, ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-aġġornament tal-Istrateġija Nazzjonali tal AI, bi ħsieb ċar fuq kif l-AI u għodod ġodda jistgħu jintużaw biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà Maltija. Marbut ma’ dan, il-Gvern ħabbar ukoll investiment ta’ €100 miljun sabiex l-AI tiġi introdotta b’mod aktar effiċjenti fil-proċessi operattivi u sabiex il-poplu jitħarreġ b’xejn fl-użu ta’ għodod tal- AI bħal ChatGPT u Gemini.

 

TechXpo 2025 laqgħet ukoll aktar minn 2,000 student minn skejjel sekondarji u kulleġġi postsekondarji, li kellhom l-opportunità jesponu ruħhom għas-setturi tat-teknoloġija u l-innovazzjoni u jiskopru karrieri ġodda ta’ kwalità li dawn is-setturi qed joħolqu. L-avveniment wera wkoll l-żvilupp mgħaġġel fis-setturi tar-robotika, id-drones u l-applikazzjonijiet diġitali bbażati fuq l-AI.

 

Waqt l-avveniment ingħataw sessjonijiet prattiċi għall-pubbliku dwar kif juża għodod tal-AI bħal ChatGPT u Gemini għar-riċerka, kif ukoll chatbots biex itejjeb l-esperjenza tal-konsumatur. Dawn is-sessjonijiet għenu juru b’mod konkret kif it-teknoloġija tista’ tkun għodda ta’ valur għall-ħajja ta’ kuljum.

 

 

 

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri kkonferma l-impenn tal-Gvern biex Malta tibqa’ titmexxa mill-innovazzjoni, biex pajjiżna jkollu ekonomija b’saħħitha u diversifikata filwaqt li toffri opportunitajiet ta’ kwalità għaż-żgħażagħ. Hu żied jgħid li, “Din hija industrija li qed tikber b’pass mgħaġġel u li qed tiftaħ orizzonti ġodda għal pajjiżna.

 

TechXpo turina b’mod ċar li Malta għandha t-talent, il-kreattività u l-ħeġġa biex tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija. Qegħdin naraw setturi ġodda jitwieldu, karrieri b’pagi tajbin jinħolqu u kumpaniji Maltin jikkompetu fuq livell internazzjonali. Bħala gvern se nibqgħu ninvestu fis-settur, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ biex kull min jixtieq jidħol f’din l-industrija jkun jista’ jagħmel dan b’għodod moderni u b’appoġġ sħiħ minna.”

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *