Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri għadu kemm temm żjara uffiċjali fir-Renju tal-Bahrain u fl-Arabja Sawdija, fejn saru numru ta’ laqgħat ta’ livell għoli mal-awtoritajiet tal-gvern taż-żewġ pajjiżi.
Matul iż-żjara fir-Renju tal-Bahrain, il-Ministru Schembri esplora opportunitajiet ekonomiċi ma’ awtoritajiet lokali bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u jiġi identifikat potenzjal ta’ kollaborazzjoni u tkabbir ekonomiku. Il-Ministru Schembri osserva numru ta’ similaritajiet bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom id-daqs, l-ekonomija miftuħa għall-kummerċ u l-enfasi fuq l-innovazzjoni.
Matul iż-żjara, il-Ministru Schembri ltaqa’ ma’ Abdulla bin Adel Fakhro, Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ; Noor Al Khulaif, Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli; Shaikh Abdulla bin Ahmed Al Khalifa, Ministru tat-Trasport u t-Telekomunikazzjoni; u Shaikh Salman bin Khalifa Al Khalifa, Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija Nazzjonali.

Fil-laqgħat, ġew esplorati opportunitajiet biex titjieb il-konnettività bl-ajru bejn Malta u l-Bahrain, kif ukoll possibiltajiet ta’ kollaborazzjoni fil-manifattura, it-teknoloġija, is-servizzi tal-avjazzjoni u l-loġistika. Barra minn hekk, il-Ministru Schembri kellu laqgħat mal-Bahrain Economic Development Board, id-Dwana, Bahrain Airport Services, kif ukoll mal-kumpaniji internazzjonali ta’ loġistika DHL u Texel Air.
Waqt iż-żjara fl-Arabja Sawdija, il-Ministru Schembri attenda l-Konferenza Ġenerali tal-United Nations Industrial Development Organization (UNIDO), li saret fil-belt ta’ Riyadh u li fetħet il-bibien għal aktar minn 3,000 delegat minn madwar id-dinja.
Fil-belt ta’ Riyadh, il-Ministru Schembri kellu laqgħat ma’ Faisal F. Alibrahim, Ministru għall-Ekonomija u l-Ippjanar; u Bandar bin Ibrahim Alkhorayef, Ministru għall-Industrija u l-Minerali.
Dawn il-laqgħat kienu opportunità biex jiġu diskussi modi kif tista’ tiġi msaħħa r-relazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi u biex jiġu identifikati opportunitajiet għal kollaborazzjoni bilaterali. Il-Ministru Schembri osserva li l-Arabja Sawdija u Malta jgawdu minn relazzjonijiet bilaterali eċċellenti, mibnija fuq rispett reċiproku.

L-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija faħħru hekk kif il-Gvern Malti jinsab għaddej b’ħidmietu lejn Viżjoni Malta 2050, fejn offrew li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Viżjoni Nazzjonali tar-Renju. Kien hemm ukoll qbil biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ konnettività diretta bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll investimenti u kollaborazzjoni li jisfruttaw il-pożizzjoni ġeografika strateġika ta’ Malta.
Matul iż-żjara, il-Ministru Schembri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti, Godwin Mifsud, iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Indis Malta Ltd, Dr Jean Pierre Attard, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Government Investments, Karl Azzopardi, u d-Deputat Kap tal-Missjoni ta’ Malta fl-Arabja Sawdija, James Gauci.

