Qed javvanza x-xogħol tal-Proġett tar-Riġenerazzjoni ta’ Buġibba

Neville Gafa

~ 4 hours ago

Qed javvanza x-xogħol tal-Proġett tar-Riġenerazzjoni ta’ Buġibba

Iż-żieda fl-eko-kontribuzzjoni fl-2026 se tiżgura aktar investimenti infrastrutturali fiż-żoni turistiċi​​​

 

 

 

 

 

Ix-xogħlijiet tar-riġenerazzjoni tal-pjazza ewlenija ta’ Buġibba u l-inħawi madwarha qed javvanzaw b’ritmu mgħaġġel, hekk kif il-biċċa l-kbira tal-istrutturi taħt l-art u s-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi utilitarji daqt jitlestew, filwaqt li x-xogħlijiet finali fil-livell tat-triq għaddejjin ġmielhom ukoll.

 

 

 

 

Waqt żjara fis-sit tal-Proġett tar-Riġenerazzjoni ta’ Buġibba, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett faħħru lill-impjegati u l-kuntratturi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ta’ Infrastructure Malta għall-impenn tagħhom fit-twettiq ta’ dan il-proġett, hekk kif irringrazzjaw lill-komunitajiet residenzjali u kummerċjali taż-żona għall-koperazzjoni tagħhom waqt ix-xogħlijiet.

 

Il-koordinatur tal-proġett Jason Micallef, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef spjegaw li minn meta beda l-proġett aktar kmieni din is-sena, il-ħaddiema biddlu ħafna mis-servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art, fosthom dawk tal-ilma, l-elettriku u t-telekomunikazzjoni, li issa se jkunu f’mina ġdida li nbniet taħt l-art, sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-manutenzjoni u t-tiswijiet li jista’ jkun hemm bżonn fil-futur. Qed jibnu wkoll ġibjun kbir għall-ilma tax-xita taħt l-art, kemm għall-funtana l-ġdida li se ssir fil-pjazza kif ukoll għaż-żoni mħaddra li fihom se jitħawlu arbuxelli u pjanti oħra. Miexi wkoll ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq li jwasslu għall-pjazza u l-promenade li hemm biswitha, flimkien ma’ xogħlijiet oħra finali, fosthom il-pavimentar.

 

 

 

 

 

Ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Buġibba, li kienet iddisinjata f’kooperazzjoni mar-residenti u n-negozji tal-inħawi, se tinkludi bankini u passaġġi għall-mixi aktar siguri, żoni msebbħa bl-arbuxelli u pjanti oħrajn, sistemi ta’ dawl, postijiet b’bankijiet għad-dell, u faċilitajiet oħrajn.

 

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li dan l-investiment fil-qalba ta’ Buġibba, li huwa ffinanzjat parzjalment mill-eko-kontribuzzjonijiet imħallsa mit-turisti li jżuru Malta, qed jagħti ħajja ġdida lil din iż-żona popolari, li għal għexieren ta’ snin tħalliet mingħajr l-investiment meħtieġ biex tinżamm f’qagħda tajba, u issa qed issir spazju miftuħ isbaħ u aktar sostenibbli għar-residenti u dawk kollha li jżuruha. “Id-deċiżjoni tagħna fil-Baġit 2026 biex inżidu l-eko-kontribuzzjoni li jħallsu ta’ kuljum it-turisti li jżuru l-Gżejjer Maltin se tgħina ninvestu f’ħafna iktar proġetti bħal dawn għall-komunitajiet tagħna, speċjalment fiż-żoni turistiċi,” spjega Dr Borg.

 

 

 

 

Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan il-proġett miexi b’ritmu mgħaġġel u mistenni jinfetaħ sa Mejju tas-sena d-dieħla. Huwa qal li “sas-sajf li ġej, il-familji Maltin u t-turisti li jżuru din iż-żona se jkunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ f’ambjent aktar modern, sigur u aċċessibbli.” Il-Ministru Bonett saħaq li x-xogħol preparatorju estensiv, kif ukoll is-servizzi ġodda li qed jitpoġġew taħt l-art, se jwasslu biex dan il-proġett ikun jista’ jitgawda fit-tul. Huwa rringrazzja lir-residenti u lill-komunità kummerċjali tal-kooperazzjoni tagħhom waqt li għaddej dan il-proġett, li se jkompli jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni ta’ Buġibba.

 

Matul iż-żjara, iż-żewġ Ministri kienu akkumpanjati mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Ċensu Galea, kif ukoll minn uffiċjali oħrajn tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ta’ Infrastructure Malta.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *