Zachary Borg maħtur l-ewwel Mibgħut Speċjali ta’ Malta għall-Golf

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu nieda Politika Reġjonali ta’ Malta dwar ir-Reġjun tal-Golf, li ser toffri qafas strateġiku li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali mal-pajjiżi tal-Kunsill għall-Koperazzjoni fil-Golf u pajjiżi oħrajn fl-istess reġjun.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħabbar din il-Politika waqt diskussjoni ma’ studenti universitarji, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, aktar kmieni din il-ġimgħa.
“Qed nirrikonoxxu li r-reġjun tal-Golf qed ikollu sehem ferm akbar bħala ċentru ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ djalogu globali. Għalhekk, permezz ta’ din il-politika, qed nimmiraw li noħolqu koperazzjoni li tkun ġenwinament ta’ ġid għaż-żewġ naħat, mhux biss għan-negozji u l-istituzzjonijiet minn Malta u mill-pajjiżi tal-Golf, iżda wkoll għaċ-ċittadini, ħaddiema, studenti, familji u l-komunitajiet kollha – sabiex ikollhom aktar opportunitajiet pożittivi, b’aktar konnettività u opportunità,” Dr Borg spjega.

F’kummenti dwar din il-Politika ġdida, il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Carmen Sammut, innotat li l-Università ilha għal ħafna snin b’għadd ta’ kollaborazzjonijiet fil-Golf. “Bosta studenti mill-Kuwait, l-Oman, l-Arabja Sawdita u pajjiżi oħra tal-Golf jagħżlu lil Malta biex jistudjaw il-mediċina, id-dentistrija u oqsma oħra, u meta jmorru lura lejn pajjiżhom, l-edukazzjoni li jkunu ħadu f’Malta tkun rispettata ħafna. Din il-Politika Reġjonali ġdida dwar il-Golf issaħħaħ l-isforzi tal-Università f’din id-direzzjoni, u nittamaw li tiftaħ aktar opportunitajiet fil-futur,” qalet il-Professur Sammut.
Il-Politika Reġjonali ġdida hija msejsa fuq il-prinċipji tan-newtralità, id-djalogu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali, b’mod li tkun dinamika u flessibbli, biex tevolvi skont ir-realtajiet dejjem jinbidlu f’dan ir-reġjun. Il-Politika qed timmira li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali ta’ Malta ma’ dan ir-reġjun, sabiex twitti t-triq għal koperazzjonijiet ġodda filwaqt li tindirizza għadd ta’ sfidi komuni, fosthom it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-istabbilità reġjonali. Qed tindika wkoll diversi oqsma b’potenzjal għal kollaborazzjonijiet ġodda, fosthom il-kummerċ, l-enerġija nadifa, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, il-konnettività u l-iskambji kulturali.
Sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-kummerċ u l-investiment mal-Golf, u biex tkompli tibni fuq il-progress tax-xogħol daqstant siewi tal-ambaxxati Maltin f’dan ir-reġjun, Zachary Borg għadu kif inħatar Mibgħut Speċjali ta’ Malta għall-Golf. F’dan l-irwol, se jiffoka fuq il-promozzjoni t’aktar kollaborazzjonijiet f’diversi setturi t’interess, filwaqt li jħares l-interessi ta’ kumpaniji Maltin fir-Reġjun.
Id-dokument ta’ din il-politika ġdida, ‘Malta and the Gulf – Regional Framework Policy’, jinsab fis-sit
https://foreign.gov.mt/wp-content/uploads/2025/12/GulfFrameworkPolicy-2025.pdf

