Tnediet l-Istrateġija Nazzjonali għas-settur tal-volontarjat għas-snin 2025–2030, bi pjan strateġiku għas-settur.
It-tnedija ta’ din l-istrateġija saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
L-istrateġija tħejjiet mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), wara konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena. L-għan tagħha huwa li tiggwida lill-imsieħba nvoluti bl-iskop li jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat f’Malta u Għawdex matul il-ħames snin li ġejjin.

L-istrateġija tenfasizza r-riżorsi li għandhom bżonn il-voluntiera u l-għaqdiet, bħal dawk umani, fiżiċi u finanzjarji, filwaqt li trawwem il-parteċipazzjoni, l-ingaġġ ta’ voluntiera u l-kollaborazzjoni.
Huwa għal dak l-iskop li din l-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat 2025–2030, hija bbażata fuq l-għanijiet milħuqa tal-ewwel Strateġija, u kif ukoll il-viżjoni għall-futur. Din l-Istrateġija ddikjarat il-valuri maqbula bejn il-partijiet, li huma: Apprezzament tan-natura diversa tal-volontarjat; Impenn għall-inklussività; Fiduċja u integrità; Kollaborazzjoni; Servizz ta’ Kwalità; u Rikonoxximent. L-erba’ oqsma ewlenin tal-Pjan Strateġiku jiffukaw fuq it-Tisħiħ tar-Riżorsi Umani tal-għaqdiet; Kollaborazzjoni mal-Partijiet Interessati; Parteċipazzjoni Ċivika; u Leħen u Viżibbiltà tas-Settur.
L-istrateġija tindirizza b’mod partikolari l-promozzjoni tal-volontarjat minn żgħażagħ sa anzjani. Dawn l-oqsma huma konformi mad-direzzjoni li qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea. L-istess strateġija tiffoka wkoll kemm fuq ir-rikonoxximent u fuq għajnuniet għall-provvediment tar-Riżorsi meħtieġa, sabiex is-Settur tal-Volontarjat ikun parteċipi u kontributur ewlieni għall-komunitajiet tagħna.
Waqt it-tnedija, li saret għand l-Għaqda Mużikali San Leonardu f’Ħal Kirkop, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif “din l-istrateġija mhijiex sempliċiment dokument imma hija impenn ċar biex nagħtu lill-voluntiera tagħna l-pożizzjoni li jistħoqqilhom bħala sieħba essenzjali fil-bidla soċjali. B’dan il-pjan qed nibagħtu messaġġ qawwi li l-volontarjat f’Malta u Għawdex għandu jkun prijorità nazzjonali, b’aktar investiment, aktar viżibbiltà u aktar rispett għall-ħidma tal-voluntiera. Din hija triq politika u soċjali li twassal għal pajjiż aktar ġust, aktar inklussiv u li jisma’ leħen kull komunità fi ħdanu,” temmet tgħid il-Ministru.

Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, saħqet li din l-istrateġija se ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji, filwaqt li tagħti lill-volontarjat vuċi aktar qawwija u viżibilità akbar, kemm fis-soċjetà kif ukoll fil-qafas nazzjonali.

Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li “dan l-eżerċizzju għandu jkompli jsaħħaħ is-settur, fejn il-voluntiera huma s-sinsla li fuqha jinbena kollox. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija tinvolvi kemm lill-Kunsill u l-Ministeru, imma anki lill-għaqdiet, kommunitajiet u individwi li jkomplu jagħżlu t-toroq tal-ħiliet, tal-Leadership fl-oqsma rispettivi u tal-impenn fil-volontarjat. Il-futur li qed noħolmu bih jibda bl-azzjonijiet li nieħdu ta’ kuljum, u din l-istrateġija tgħin sabiex fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jiġbed l-istess ħabel.”
Id-dokument komplut hu disponibbli fis-sit tal-MCVS

