Il-Ħamis filgħaxija ġie kkonfermat li l-Istat terrorist ta’ Iżrael se jerġa’ jieħu sehem fil-Eurovision 2026.
Dan minkejja li wettaq ġenoċidju fuq 70,000 Palestinjan u ħalla żewġ miljun ruħ oħra bla dar u bla servizzi essenzjali.

Dan is-sit appella biex l-Awtoritajiet Maltin jibqgħu konsistenti fuq il-pożizzjoni li ttieħdet ftit ġimgħat ilu meta ġie rrikonoxxut l-Istat Palestinjan. Il-konsistenza titlob li Malta għandha tiddistakka kompletament minn dan il-porkerija ta’ festival li issa se jkun qed jerġa’ jħalli lil Iżrael jipparteċipa anke meta wettaq attroċitajiet kontra l-umanità.
Lanqas laħqu għaddew 24 siegħa li ma kienx ikkonfermat li Malta se tiehu sehem fil-Eurovision Song Contest tas-sena d-diehla minkejja dawn l-attroċitajiet u minkejja I-bojkott li qed jaghmlu numru ta’ pajjizi.

Madanakollu, il-Gvern Malti ikkonferma il- parteċipazzjoni ta’ pajjiżna għax skontu il-bojkott m’hu se jagħmel xejn biex iwassal il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Il-Gvern Malti sostna li jemmen fil-kawża Palestinjana imma jemmen ukoll fil-bżonn ta’ djalogu bejn il-pajjizi.
Jista’ l-Gvern Malti jispjega lilna l-poplu xi djalogu jemmen li se jseħħ permezz tal-parteċipazzjoni fil-Eurovision?

Huwa verament skandaluż għal mod kif ittieħdet id-deċiżjoni li Malta tkun parteċipi f’dan il-festival. Aktar minn hekk, hija daqqa ta’ ħarta għall-ħidma kbira fil-qasam Diplomatiku mwettqa’ mill-Prim Ministru u d- Deputat Prim Ministru fil-fora Internazzjonali li wassal biex Malta tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan.
Jidher biċ-ċar li għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern huwa magħmul minn diversi Gvernijiet li joperaw indipendentement. Għandna Ministeri li jqisu ruħhom awtonomi.
Inħeġġeġ lill-Prim Ministru u l-Eżekuttiv sabiex jerġa’ jikkonsidra din id-deċiżjoni u jimxi fuq il-passi ta’ Demokraziji bħal Spanja u pajjiżi oħra u jirrevoka din id-deċiżjoni oxxena u jħabbar li pajjiżna mhux se jkun qed jipparteċipa fil-Eurovision 2026.

