Esplora jibda l-istaġun biċ-Ċerimonja tas-Siġra tal-Milied u b’ħarsa esklussiva ta’ “Santa’s STEAM Factory”

Neville Gafa

~ 6 hours ago

Esplora jibda l-istaġun biċ-Ċerimonja tas-Siġra tal-Milied u b’ħarsa esklussiva ta’ “Santa’s STEAM Factory”

Fil-5 ta’ Diċembru, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda uffiċjalment l-istaġun festiv tiegħu permezz taċ-Ċerimonja annwali tax-Xegħil tas-Siġra tal-Milied. Matul dan l-avveniment, il-mistednin ingħataw wkoll ħarsa esklussiva lejn il-programm il-ġdid tal-Milied ta’ Esplora: Santa’s STEAM Factory, li se jkun miftuħ għall-pubbliku mill-21 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar.

 

Waqt iċ-ċerimonja tnediet ukoll il-produzzjoni uffiċjali tal-Milied ta’ din is-sena: hybrid video li jgħaqqad animazzjoni ma’ filmat tad-dinja reali, maħluq b’kollaborazzjoni ma’ artisti lokali. Ir-riżultat finali huwa storja li tgħaqqad il-kreattività mal-innovazzjoni u li tirrifletti l-filosofija ta’ Esplora li tħaddan approċċ multidixxiplinari li jgħaqqad ix-xjenza, it-teknoloġija u l-arti.

 

 

 

 

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti; is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina; u s-Senior Director ta’ Esplora, Mary Ann Cauchi. Magħhom ingħaqdu impjegati minn Esplora u Xjenza Malta, li flimkien iċċelebraw il-bidu tal-istaġun tal-festi fiċ-Ċentru tax-Xjenza.

 

Din is-sena, Esplora se jinbidel f’Santa’s STEAM Factory, esperjenza immersiva fejn il-maġija tal-Milied tiġi miżjuda mal-kreattività u l-kurżità li joffru s-suġġetti ta’ STEAM: ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Il-programm joffri taħlita ta’ workshops prattiċi, wirjiet tax-xjenza, u films immersivi tal-Planetarium, kollha mfassla biex jispiraw lil dawk ta’ kull età u jittrasformaw il-għaġeb xjentifiku fil-maġija tal-festi.

 

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar l-inizjattiva, u f’kumment tiegħu qal li “Esplora għad għandu rwol kruċjali fit-trawwim ta’ mħabba għax-xjenza fost iż-żgħażagħ. Avvenimenti bħal dawk tal-lum jenfasizzaw l-impenn taċ-ċentru għall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-involviment tal-komunità.”

 

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina rringrazzja lit-tim ta’ Esplora u żied jgħid li “huwa dejjem ta’ pjaċir għalina, bħala l-komunità tal-Kalkara, li naraw l-innovazzjonijiet li jintroduċi Esplora. Dawn l-isforzi jiżguraw li dan iċ-ċentru interattiv tax-xjenza tant popolari fir-raħal tagħna ikompli jattira lill-Maltin, lill-Għawdxin u lit-turisti matul is-sena kollha, inkluż matul l-istaġun tal-Milied.”

 

 

 

 

Matul id-diskors tagħha, is-Senior Director ta’ Esplora, Mary Ann Cauchi, enfasizzat il-valur ta’ edukazzjoni xjentifika għal kulħadd: “L-istaġun tal-Milied jippreżenta opportunità unika biex nispiraw il-kurżità u t-tagħlim b’mod divertenti u memorabbli. Permezz ta’ inizjattivi bħall-Santa’s STEAM Factory, għandna l-għan li nqanqlu l-immaġinazzjoni filwaqt li nlaqqgħu l-familji flimkien.”

 

Santa’s STEAM Factory tifforma parti mill-missjoni kontinwa ta’ Esplora li tippromwovi l-kurżità, il-kreattività u t-tagħlim esperjenzjali, filwaqt li toffri ambjent fejn it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji jistgħu jiskopru u jiċċelebraw l-ispirtu tal-Milied permezz tal-għeġubijiet tax-xjenza u l-arti.

 

 

 

 

Iċ-ċerimonja ntemmet b’xena spettakolari ta’ dawl, hekk kif is-Siġra tal-Milied ta’ Esplora dehret fil-glorja tagħha, sinjal tal-bidu uffiċjali tal-istaġun tal-festi fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Malta.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *